Tħassib serju dwar il-kriżi fl-Afganistan mis-Santa Sede

Print Friendly, PDF & Email

Is-Santa Sede qed issegwi l-iżviluppi fl-Afganistan “b’attenzjoni kbira u bi tħassib profond”, u ġeddet l-appell imniedi mill-Papa Franġisku li għamel fil-15 t’Awwissu, fejn appella lin-nies kollha biex jitolbu miegħu “lill-Alla tal-paċi ħalli l-għajta tal-armi jieqfu u s-soluzzjonijiet jinstabu fuq il-mejda tad-djalogu”. Il-Papa dak in-nhar kien qal, li b’dan il-mod biss tista’ “l-popolazzjoni msawta ta’ dak il-pajjiż: irġiel, nisa, anzjani u tfal, ikunu jistgħu jirritornaw lejn djarhom stess u jgħixu fil-paċi u s-sigurtà, b’rispett reċiproku totali”.

Dan il-messaġġ reġa’ ġie mtenni nhar it-Tlieta filgħodu minn Monsinjur John Putzer, chargé d’affaires tal-Missjoni Permanenti tas-Santa Sede fin-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra f’Ġinvera. Waqt li tkellem fil-31 Sessjoni Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem. Ir-rappreżentant tal-Vatikan ħeġġeġ lill-partijiet kollha “biex jagħrfu u jħarsu r-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna, inkluż id-dritt għall-ħajja, l-libertà tar-reliġjon, d-dritt għall-libertà tal-moviment u d-dritt għal assemblea paċifika”.

F’dan iż-żmien kritiku, “huwa ta’ mportanza vitali li jiġu appoġġati s-suċċess u s-sigurtà tal-isforzi umanitarji fil-pajjiż, fi spirtu ta’ solidarjetà internazzjonali, sabiex ma jintilifx il-progress li sar, speċjalment fl-oqsma tal-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni”. Huwa esprima t-tama għal “riżoluzzjoni paċifika u rapida għat-tensjonijiet li għaddejjin bħalissa”,  u l-konvinzjoni li “djalogu inklużiv” jirrappreżenta “l-aktar għodda qawwija” biex jintlaħaq l-għan tal-paċi.

Bħala konklużjoni, l-istqarrija ħeġġet lill-komunità internazzjonali kolha biex “tgħaddi mid-dikjarazzjoni għall-azzjoni” billi tilqa’ lir-refuġjati “fi spirtu ta’ fraternità umana”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2021-08/holy-see-expresses-deep-concern-over-crisis-in-afghanistan.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.