Żewġ ġawhriet minn mużajk sabiħ

Inħobb nara l-Provinċja Kapuċċina Maltija bħala mużajk sabiħ li fih tidher l-imħabba tal-Mulej għalina l-bnedmin. Is-sabiħa hi li kull patri, hu min hu, u hi x’inhi l-istorja tiegħu, dejjem iħalli marka sabiħa u unika li bħalha ħaddieħor ma jseħħlu jħalli qatt. Kemm kien għaref San Franġisk li dejjem ra t-tajjeb u mhux qies id-dnubiet fil-patrijiet tiegħu!

Dan l-aħħar kelli l-grazzja immur ġimgħa ħdejn San Leopoldu Mandić OFM Cap, fis-santwarju tiegħu f’Padova. U, aktar mal-Mulej tani l-grazzja li nagħmilha man-nies, dejjem liebes iċ-ċoqqa Kapuċċina, aktar ħassejtni ferħan se ntir u ħieles minn ġewwa. Ħaġa waħda ġibt miegħi f’Malta: JIEN PATRI! U ferħan li jien Patri! Għax il-ħajja tal-patrijiet m’hijiex kif jaħsbu xi wħud tafux: li jiġi nofsinnhar u tindafar dafra tajba u wara raqda papali! Għax fil-kunvent. Il-patrijiet ibatu wkoll. U jgħaddu bħalma ngħaddu int u jien. Jibku wkoll u qalbhom tinqasam bid-dispjaċir meta jiġu iġġudikati bl-addoċċ jew letteralment mormija għax mhux apprezzati. U f’dan l-ispirtu, għax jien, bil-grazzja tal-Mulej fija jien Patri, u għalhekk nista’ nisma’ u inħoss l-għejja, l-isforzi u l-uġiegħ li ngħaddu minnu kemm jien u anki ħuti l-Patrijiet, illum, apposta, intasabt hawn u qed inniżżel dan l-apprezzament għal żewġ ħuti patrijiet Kapuċċini li ħadmu fuq li ħadmu. Bla daqq tat-trombi! Għax, qabel ma ħadmu, kienu!

Nixtieq iwa insemmi lil Patri Ġużepp Muscat OFM Cap, il-Mosti. Minn dak li naf fuqu ħaġa li kienet tolqotni fih hi s-sempliċità tiegħu. Ma kienx Patri li jħobb jidher. U bil-cameras inkullati fuqu! Anzi! Kien Patri li jaħdem fis-skiet u fil-ġabra. Fuq kollox kien Patri li kien jagħti ħajtu fis-skiet lill-Mulej. Dejjem kien ikun lest biex imur f’xi sptar ħa jaħdem mal-morda. Kemm kien preżenti ma’ ħutna x-xjuħ fir-Residenza San Vinċenz de Paul u anki mal-pazjenti tal-cancer fl-isptar Boffa. Insibuh ukoll jagħi s-sehem tiegħu fil-parroċċa tat-Trinità Qaddisa l-Marsa u anki meta l-Provinċja Kapuċċina darba kellha d-Dar tat-Talb.

Imbagħad xi ħaġa oħra li kienet tgħallimni f’ħajjet Patri Ġużepp kienet l-imħabba għall-Franġiskaniżmu u l-istudju li kien għamel fl-Ateneo Antonianum ġewwa Ruma fl-istudji Franġiskani. Niftakar li darba, meta ħuna Ġużepp kien il-kunvent tagħna l-Kapuċċini f’Għawdex, kont tlabtu biex nara ftit it-teżi tal-liċenzjat li kien kiteb. Tafu li siegħa wara sibtha fuq l-għatba tal-kamra tiegħi! Niftakarni nxerred demgħa għal dan l-att umli ta’ dan il-Patri twajjeb! Allaħares m’hemmx il-Mulej li nies bħal dawn jaralhom qalbhom u jitfagħhom quddiem nett ta’ saltnatu! Lil dawn in-nies li, għax umli, ma jafux le jippreżentaw ruħhom ħa javvanzaw fil-karigi fil-Knisja. Imma, meta tiġi għas-SI u n-NO, lilhom issib! X’ħaddiema tal-istiva huma dawn!

It-tifkira għażiża ta’ Patri Ġużepp tgħallimni wkoll li l-Mulej dejjem iqis il-ġenwinità tal-qalb tal-bniedem. U, din il-ġenwinità jimbuttaha ħafna ‘il quddiem. Meta niftakar li Alla veru hu ta’ dan it-tip tgħidx kemm nibki f’kamarti! U nibki minn qalbi għax almenu hemm xi ħadd li veru jagħmel ġustizzja, ibda biex fil-Knisja stess! Is-sabiħa tafu x’inhi ħbieb? Li Ġesù fuq dan it-tip ta’ Missier ikellimna! Jgħidilna, ċar u tond, f’San Mattew: U Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu (Mt 6: 4.6-18). Tafu x’inhi l-ferħa ħuti? Li dak li nwettqu quddiem dan il-Missier li hu fil-moħbi dan hu li jgħodd! Mela, int li ma japprezzawkx ibqa’ ħallih jagħmel turrun ġid bik! TIEQAFX! KOMPLI! Basta li dan il-ġid tibqa’ tagħmlu quddiem Missierek li hu fil-moħbi (Mt 6:18)!

Patri ieħor tassew ħelu, li meta niftakar fih tgħidx kemm nitfarraġ fis-sejħa tiegħi ta’ Kapuċċin, hu l-mibki Patri Pietru Pawl Schembri OFM Cap. Nissimjah ħafna lil dan il-Patri għax, kif kien iħobb jgħidilna tant tajjeb l-ex provinċjal, il-mibki Patri Crispin Tabone OFM Cap, dan il-Patri kien ferħan! Kien Patri li jferraħ kulfejn imur. Għalkemm qala fuq rasu xorta waħda wieġeb bil-ferħ!

Għadni niftakru qisu issa meta kont student il-Furjana u kien jidħol ikellimna. Kemm kien jinkoraġġini! U kemm kien jurini ħniena kbira! Qabel u qabel ħafna ma bdejna niddammdu nisimgħu l-kelma ħniena, li xorta waħda għadha skarsa fis-soċjetà u fil-Knisja, Patri Pietru Pawl, b’dik l-umiltà Franġiskana Kapuċċina, kien jurieha miegħi, l-ewwel wieħed. Huma dawn il-Patrijiet li jafu juru ħniena li jibqgħu jissemmew u mhux min iħaddem moħħu u jaħseb għal rasu. Dak diġà jintnesa meta jkun għadu ħaj!

Imbagħad, karatteristika oħra sabiħa ta’ Pietru Pawl kienet l-apprezzament. Kemm kien japprezza lil kulħadd! Kont nammirah japprezza lill-ekonomu ta’ dak iż-żmien li kien ikun maqtul bix-xogħol. U, Patri Pietru Pawl, isimgħu jgħaddilu dak il-kumment li bih juri l-apprezzament għax-xogħol kbir li dan ħuna kien ikun qed iwettaq fis-skiet. L-apprezzament Patri Pietru Pawl kien iġorru ma’ kullimkien. Saħansitra fl-isptar max-xjuħ, fejn qatta’ jaħdem il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu. Kien jgħidli: Marju, b’kelma bniedem tagħtih kuraġġ! Apprezza dejjem ix-xogħol li jagħmel ħaddieħor! Dawn il-kelmiet tad-deheb ta’ ħija Pietru Pawl nibqa’ ngħożżhom fuq li ngħożżhom għax huma veri!

Barra minhekk, ħaġa sabiħa li kont nammira f’dan il-Patri ħelu kienet li kien jaf jistrieħ. Kemm kien jagħmel sewwa li meta jiġi minn ġimgħa xogħol mill-isptar, magħluq minn filgħodu sa filgħaxija, il-kunvent kien joħodha vaganza! Dejjem kien ikun għall-atti komuni tat-talb u tal-ikel. Imma dik il-mixja li kien jagħmel minn San Ġiljan għall-kunvent tagħna tal-Furjana għadni nġorrha f’qalbi! Pulit pulit, bil-clergy u bis-salib, Patri Pietru Pawl kien jimxiha kollha. Ħa nderri! kien jgħidli.U sewwa kien jagħmel! Għalhekk baqa’ dejjem ferħan u frisk għax kien kapaċi jieħu ħsieb tiegħu nnifsu! Prosit Pietru Pawl!

Ħaġa oħra ħelwa li ma ninsa qatt fil-ħajja għażiża ta’ Patri Pietru Pawl kienet l-attività appostolika tiegħu li ħadietu għal ħames snin f’Medellin, fil-Kolumbja. Lura f’Malta, Patri Pietru Pawl kellu grupp kbir u sabiħ ta’ abbatini li, xi wħud minnhom, saru wkoll patrijiet. Dejjem f’dik l-ordni, l-indafa tar-ruħ u tal-ġisem u b’dak il-ferħ tassew Franġiskan, Patri Pietru Pawl kien itik kuraġġ li int Kapuċċin! U bl-imħabba lejn iż-żewġ għasafar li kellu, Amor u ż-Żebbi!

Grazzi għeżież ħuti Patri Ġuzepp u Patri Pietru Pawl! Jagħtikom il-Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem ta’ kemm ħabbejtuh fis-skiet b’mod personali u fil-proxxmu! Itolbu għalina, issa li daqt ġej kapitlu provinċjali fuqna. U aħna, miċ-ċokon tagħna, minn qalbna nitolbu għalikom. Grazzi li intom żewġ ġawhriet mill-mużajk wieħed Kappucin! Grazzi li kontu veri Kapuċċini!

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading