Kelma waħda biss

It-Tnejn, 13 ta’ Settembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Quddiesa tat-Tnejn tal-erbgħa u għoxrin ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Ordna b’kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq”. Dan hu dak li qalu l-ħbieb taċ-ċenturjun meta ġew ħdejn Ġesù, hu u riesaq lejn id-dar taċ-ċenturjun. Dan kien diġà bagħat qabel lil xi wħud mix-xjuħ tal-Lhud li għamlu talba ħerqana lil Ġesù biex ifejjaq lil dan il-qaddej, li kien għażiż ħafna għaċ-ċenturjun. Tolqtok kif dawn il-Lhud kellhom stima lejn dan iċ-ċenturjun li ma kienx wieħed mill-poplu Lhudi imma, fi kliemhom stess, kien benefattur tagħhom – fil-fatt bnielhom is-sinagoga – u kienu jirrispettawh ħafna.

Ġesù beda miexi lejn id-dar taċ-ċenturjun biex ifejjaq lil dan il-qaddej. Kif nafu, għal Ġesù m’hemmx distinzjoni ta’ bniedem jew ieħor biex ifejjaq; lil kulħadd ifejjaq, ma’ kulħadd jagħmel il-ġid. U ried li jfejjaq ukoll lill-qaddej taċ-ċenturjun. Imma ċ-ċenturjun bagħat lil dawn il-ħbieb tiegħu biex jgħidu lil Ġesù: “Toqgħodx tinqala’”, imma għid kelma, “Ordna b’kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq”. Iċ-ċenturjun kien bniedem ta’ rispett, bniedem mhux imkabbar, imma speċjalment tolqotna l-fidi tiegħu.

Fil-fatt, l-Evanġelju jgħid li Ġesù “baqa’ mistagħġeb bih”, baqa’ mistagħġeb bil-fidi tiegħu. Tolqtok din għax ftit qabel, fl-istess Evanġelju skont San Luqa, f’kapitlu 4, hemm il-ġrajja ta’ meta Ġesù mar Nażaret, qalb il-poplu tiegħu, u hemmhekk baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom (Lq 4:14). Mela ċ-ċenturjun, li ma kienx wieħed mill-poplu Lhudi, Ġesù baqa’ mistagħġeb bil-fidi tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-mexxejja reliġjużi, li ma emmnux fih, Ġesù baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom. Ma nafx iċ-ċenturjun kienx midħla tal-Iskrittura, imma dak li qal hu eżatt dak li hemm f’Salm 107, dak is-Salm li jibda “Roddu ħajr lill-Mulej għax hu tajjeb”, u f’vers 20 jgħid: “Bagħat il-kelma tiegħu u fejjaqhom” – kif talab lil Ġesù jagħmel għall-qaddej tiegħu.

Din hi ġrajja sabiħa, u ġrajja li aħna bqajna nfakkruha kull darba li niċċelebraw l-Ewkaristija, għax aħna nirrepetu l-istess kliem li qal iċ-ċenturjun. Meta l-qassis jgħid: “Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, henjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tal-Ħaruf”, aħna  ngħidu: “Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa”. Adattajna l-kliem li qal għalina, kull wieħed u waħda minna, kull darba li niċċelebraw l-Ewkaristija.

Li nitgħallmu minn din il-ġrajja hi kemm tagħmel ġid il-fidi lil ħajjitna, u kemm hemm bżonn li l-Mulej isaħħaħ fina l-fidi. Dan iċ-ċenturjun kien sema’ b’Ġesù, hawn bagħat in-nies tiegħu, imma li tara ċar fil-kliem tiegħu hu li kellu fidi fil-kelma ta’ Ġesù. Ma kellux lanqas għalfejn jiġi Ġesù hemmhekk u jkun ħdejn il-qaddej tiegħu, imma jgħid kelma u dan ifiq. Ara x’fidi, fidi qawwija! Dik hi l-fidi: il-fiduċja fil-kelma ta’ Alla anke meta ma narawx, u qabel ma naraw; li aħna nemmnu li l-kelma ta’ Alla sseħħ, u l-kelma ta’ Alla tagħmel il-ġid, kif fil-fatt sar għax dan il-qaddej fieq. Dan iċ-ċenturjun għex minn qabel il-kliem li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu, meta qalilhom:  “Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.

Nitolbu lill-Mulej illum li jgħinna nkunu bħaċ-ċenturjun, anke nagħmlu dik it-talba tiegħu “għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa”. Nitolbuh biex ifejjaqna bil-kelma tiegħu u biex isaħħaħ fina l-fidi.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

One thought on “Kelma waħda biss”

  1. Very good homily. Short and to the point. Thank God for our Church Leaders.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading