It-Tieni Ġimgħa tal-Għid – Il-Ħamis
Qari I
Ta’ dan kollu hawn xhieda aħna flimkien mal-Ispirtu s-Santu.
Atti 5, 27-33
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, il-kmandant u l-qaddejja ressqu lill-Appostli quddiem is-Sinedriju. U l-qassis il-kbir qalilhom: “Aħna għednielkom fuq li għednielkom biex ma tgħallmux fuq dan l-isem. U araw, issa mlejtu ’l Ġerusalemm bit-tagħlim tagħkom, u tridu titfgħu fuqna l-ħtija ta’ demm dan il-bniedem!”.
Iżda Pietru, flimkien mal-appostli, wieġeb u qal: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-bnedmin. Alla ta’ missirijietna qajjem lil Ġesù li intom qtiltuh billi dendiltuh ma’ għuda. Alla għollieh bil-leminija tiegħu u għamlu kap u salvatur, biex jagħti lil Iżrael l-indiema u l-maħfra tad-dnubiet. U ta’ dan kollu hawn xhieda aħna flimkien mal-Ispirtu s-Santu li Alla ta lil dawk li jobduh”. Xħin semgħu dan saħnu ħafna u waħħluha f’rashom li joqtluhom.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 33 (34), 2 u 9.17-18.19-20
R/. (7a): Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;
hieni l-bniedem li jistkenn fih. R/.
Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,
biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.
Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej jismagħhom;
mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom. R/.
Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma,
jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.
Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa,
iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 20, 29
Hallelujah. R/. Hallelujah
Tumas, emmint għax rajtni.
Henjin dawk li ma rawx u emmnu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Il-Missier iħobb lill-Iben, u ħalla kollox f’idejh.
Ġw 3, 31-36
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġwanni l-Battista qal lid-dixxipli tiegħu: “Dak li hu ġej minn fuq hu fuq kulħadd; min hu mill-art hu tal-art u jgħid ħwejjeġ tal-art; dak li hu ġej mis-sema hu fuq kulħadd u jixhed dak li ra u sama’; imma x-xhieda tiegħu ħadd ma jilqagħha. Min ikun laqa’ x-xhieda tiegħu jkun wettaq li Alla hu l-verità. Għax dak li bagħtu Alla jgħid il-kliem ta’ Alla, għax Alla ma jagħtix l-Ispirtu bil-kejl. Il-Missier iħobb lill-Iben, u ħalla kollox f’idejh. Min jemmen fl-Iben għandu l-ħajja ta’ dejjem; iżda min ma joqgħodx għall-Iben ma jarax il-ħajja, imma tibqa’ fuqu l-korla ta’ Alla”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu