Qari tad-29 ta’ April – Santa Katerina ta’ Siena

Print Friendly, PDF & Email

29 ta’ AprilSanta Katerina ta’ Siena, verġni, duttur tal-Knisja u patruna tal-Ewropa – Festa

Qari I

1 Ġw 1:5-2:2

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Għeżież: Din hi l-aħbar li smajna mingħand Kristu, u li qegħdin inxandrulkom: li Alla hu dawl u li ma hemm fih ebda dlam. Jekk ngħidu li aħna mseħbin miegħu imma nimxu fid-dlam, inkunu qegħdin nigdbu u ma nagħmlux is-sewwa. Iżda jekk nimxu fid-dawl, kif inhu fid-dawl hu stess, aħna nissieħbu flimkien u d-demm ta’ Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub.

Jekk ngħidu li ma għandniex dnub, inqarrqu bina nfusna u s-sewwa ma jkunx fina. Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen.

Jekk ngħidu li ma dnibniex, inkunu qegħdin ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx fina. Uliedi, dan qiegħed niktibhulkom biex ma tidinbux.

Imma jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna difensur quddiem il-Missier, Ġesù Kristu l-ġust. Huwa hu t-tpattija għad-dnubiet tagħna, u mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali

102: 1-4.8-9.13-14.17-18

R/. Bierek, ruħi tiegħi, il-Mulej!

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

kulma hu ġo fija, bierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

Hu li jaħfer dnubitek kollha,

li jfejjaq il-mard tiegħek kollu,

li jifdi ’l ħajtek mill-ħofra,

li jdawrek bit-tjieba u l-ħniena. R/.

Ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej,

idum biex jagħdab u kollu mogħdrija.

Mhuwiex dejjem jitlewwem,

anqas dejjem jinkorla. R/.

Bħalma missier iħenn għal uliedu,

hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu,

għax hu jaf mniex aħna magħġuna,

jiftakar li aħna trab. R/.

Il-ħniena tal-Mulej minn dejjem sa dejjem

ma’ dawk li għandhom il-biża’ tiegħu,

u l-ħaqq tiegħu ma’ wlied uliedhom,

ma’ dawk li jħarsu l-patt tiegħu

u li jiftakru fil-preċetti tiegħu biex iħarsuhom. R/.

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

Mt 11:25

R/. Hallelujah

Inbierek, Missier, Sid is-sema u l-art,

talli int dawn il-ħwejjeġ għarrafthom lil min hu ċkejken.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Mt 11:25-30

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien: Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, talli inti, dawn il-ħwejjeġ, ħbejthom lil min hu għaref u lil min jifhem, u għarrafthom lil min hu ċkejken. Iva, Missier, għax hekk għoġob lir-rieda tiegħek. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben ħlief il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier ħlief l-Iben u dak li l-Iben irid jgħarrafhulu.

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom l-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu mistrieħ għal ruħkom. Għaliex il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.