Qari tal-Ħamis tal-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Il-Ħamis

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Il-Ħamis

Qari I

Elija nħataf minn riefnu u Eliżew imtela bl-ispirtu tiegħu.

Sirak 48, 1-15 (gr 1-14)

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

Qam qisu nar Elija, il-profeta,

u kelmtu kienet taqbad bħal ħuġġieġa.

Hu ġieb fuqhom il-ġuħ,

u fil-ħeġġa tiegħu ċekkinhom fl-għadd.

B’kelmet il-Mulej għalaq is-smewwiet,

u tliet darbiet niżżel ukoll in-nar.

Kemm kont imsebbaħ, Elija, f’għeġubijietek!

U min jista’ jiftaħar daqsek?

Qajjimt mejjet mill-mewt,

minn Art l-Imwiet b’kelmet l-Għoli.

Tfajt mal-art slaten sa ntilfu u nies ta’ ġieħ mis-sodda tagħhom.

Smajt ċanfira fis-Sinaj,

u f’Ħoreb sentenza ta’ kastig.

Dlikt slaten biex jitħallsu

u profeti biex jilħqu warajk.

Kont meħud f’riefnu tan-nar

f’karru bi żwiemel tan-nar.

Int, li kien miktub għalik,

li kellek iċċanfar għal żmien,

biex tberred għadab Alla qabel ma jħeġġeġ,

biex iddawwar qalb il-missier lejn ibnu,

u biex terġa’ tqajjem tribujiet Ġakobb.

Imberkin dawk li jarawk u dawk li raqdu fl-imħabba;

għax żgur li aħna wkoll ikollna l-ħajja.

Kien Elija li nħataf minn riefnu

u Eliżew imtela bl-ispirtu tiegħu.

Fi żmienu ma kienx jirtogħod quddiem il-kapijiet,

u ħadd ma ħakem fuqu.

Xejn ma kien tqil wisq għalih,

sa wara mewtu baqa’ profeta f’qabru.

F’ħajtu għamel għeġubijiet,

u f’mewtu l-għemejjel tiegħu kienu tal-għaġeb.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 96 (97), 1-2.3-4.5-6.7

R/. (12a): Ifirħu, ġusti, fil-Mulej

Il-Mulej isaltan! Ħa taqbeż l-art bil-ferħ,

u jifirħu l-ħafna gżejjer!

Sħab u dlam hemm madwaru;

is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu. R/.

In-nar jimxi quddiemu,

u jeqred madwaru l-għedewwa tiegħu.

Il-beraq tiegħu jdawwal id-dinja;

tara dan l-art u titriegħed. R/.

Bħax-xama’ jdubu l-muntanji quddiem il-Mulej,

quddiem is-Sid tal-art kollha.

Ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu;

jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu. R/.

Jinfixlu dawk kollha li jqimu l-idoli,

li jiftaħru bix-xbihat fiergħa tagħhom;

u quddiemu jinxteħtu l-allat kollha. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Rum 8, 15bċ

Hallelujah. R/. Hallelujah

Irċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi;

u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abbà! Missier!”

R/. Hallelujah

Evanġelju

Mela itolbu hekk.

Mt 6, 7-15

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħall-pagani; dawn mingħalihom li, iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu. Tkunux bħalhom, għax Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom. Mela itolbu hekk:

Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek,

tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.

Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum.

Aħfrilna dnubietna,

bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.

U la ddaħħalniex fit-tiġrib,

iżda eħlisna mid-deni.

Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll. Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu