Qari tal-Erbgħa tat-Tnax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – L-Erbgħa

Qari I

Is-sultan b’mod li jisimgħuh qara l-kliem kollu tal-ktieb tal-patt, li kien instab fit-tempju tal-Mulej. U l-poplu kollu qagħad għal dan il-patt.

2 Slaten 22, 8-13; 23, 1-3

Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien, Ħilkija, il-qassis il-kbir, qal lil Safan, is-segretarju: “Sibt il-ktieb tal-liġi fit-tempju tal-Mulej”. U Ħilkija ta l-ktieb lil Safan, u dan qrah. Safan, is-segretarju, mar għand is-sultan, wassallu r-risposta, u qallu: “Il-qaddejja tiegħek ġabru l-flus li sabu fit-tempju u tawhom f’idejn l-imgħallmin, li jieħdu ħsieb ix-xoghol fit-tempju tal-Mulej”. U Safan, is-segretarju, qallu wkoll: “Ħilkija, il-qassis, tani dan il-ktieb”. U Safan qrah quddiem is-sultan.

Malli sama’ l-kliem tal-ktieb tal-liġi, is-sultan ċarrat ħwejġu. Imbagħad is-sultan ordna lil Ħilkija, il-qassis, lil Aħikam bin Safan, u lil Għakbor bin Mikija, lil Safan, is-segretarju, u lil Għaxajja, qaddej tas-sultan, u qalilhom:  “Morru staqsu ’l-Mulej għalija, u għall-poplu, u għal Ġuda kollu dwar il-kliem li hawn f’dan il-ktieb li nstab, għax kbira hi l-korla tal-Mulej li xegħlet għalina, għax missirijietna ma semgħux minn kliem dan il-ktieb, u ma għamlux kulma hawn miktub fih għalina”.

Imbagħad is-sultan bagħat jiġbor madwaru x-xjuħ kollha ta’ Ġuda u ta’ Ġerusalemm. U s-sultan tala’ fit-tempju tal-Mulej, u miegħu n-nies kollha ta’ Ġuda, u dawk kollha li kienu jgħammru f’Ġerusalemm, u l-qassisin u l-profeti u l-poplu kollu, miż-żgħir sal-kbir. U b’mod li jisimgħuh qara l-kliem kollu tal-ktieb tal-patt, li kien instab fit-tempju tal-Mulej. Is-sultan, wieqaf ħdejn il-pilastru, għamel patt quddiem il-Mulej li jimxi wara l-Mulej u jħares il-kmandamenti u l-preċetti u l-liġijiet tiegħu b’qalbu kollha u b’ruħu kollha, u jżomm il-kliem ta’ dan il-patt, miktub f’dan il-ktieb. U l-poplu kollu qagħad għal dan il-patt.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 118 (119), 33.34.35.36.37.40

R/. (8a): Il-Mulej jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu

Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek;

jiena rrid nibqa’ fiha sal-aħħar.

Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek

u nagħmilha b’qalbi kollha. R/.

Mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek,

għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi.

Iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek,

u mhux lejn ir-regħba. R/.

Tħallix lil għajnejja jħarsu lejn il-frugħa;

agħtini l-ħajja bil-kelma tiegħek.

Ara kif jiena mxennaq għall-preċetti tiegħek;

fil-ġustizzja tiegħek agħtini l-ħajja. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 15, 4a.5b

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom, jgħid il-Mulej;

min jibqa’ fija jagħmel ħafna frott.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Mill-frott tagħhom tagħrfuhom.

Mt 7, 15-20

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iftħu għajnejkom mill-profeti foloz; għax dawn jiġu għandkom libsin ta’ nagħaġ, u minn ġewwa jkunu lpup ħattafa! Mill-frott tagħhom tagħrfuhom. Jaqaw jiġbru għeneb mix-xewk, jew tin mill-għollieq? Hekk kull siġra tajba frott tajjeb tagħmel, imma s-siġra l-ħażina frott ħażin tagħmel. Siġra tajba ma tistax tagħmel frott ħażin, anqas siġra ħażina ma tagħmel frott tajjeb. Kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. Għalhekk mill-frott tagħhom tagħrfuhom”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu