Qalb li tilqa’

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 27 ta’ Settembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Quddiesa tat-Tifkira ta’ San Vinċenz de Paul, Presbiteru. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Hemm ċirkustanzi fil-missjoni ta’ Ġesù li ġabulu swied ta’ qalb. Din tal-lum hija waħda minnhom, meta hu ntebah li d-dixxipli kienu qegħdin jitkellmu, fi kliem l-Evanġelju skont San Luqa, dwar min kien l-akbar fosthom: “inqalgħet kwestjoni …dwar min kien l-akbar fosthom”.

Kienet ta’ swied il-qalb għax kienet tmur kontra dak li għallem Ġesù lilhom u dak li wriehom bil-ħajja tiegħu. Imma kienet speċjalment ta’ swied il-qalb għaliex eżatt qabel ma nqalgħet din il-kwestjoni, Ġesù kien għadu kif għamel it-tieni tħabbira tal-mewt u tal-qawmien tiegħu. Kien diġa semmieha darba lilhom, meta qalilhom bit-tbatija li minnha se jgħaddi – li se jkun miċħud, maqtul u mbagħad fit-tielet jum iqum mill-mewt – imbagħad għat-tieni darba reġa’ kellimhom u qalilhom: “Iftħu widnejkom sewwa għal dawn il-kelmiet. Bin il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-bnedmin”. Hu jitkellem fuq it-tbatija, u huma jikkustinjaw bejniethom fuq min kien l-akbar.

Ġesù, bil-paċenzja kbira mad-dixxipli, jerġa’ jfakkarhom fit-tagħlim tiegħu u fil-mod kif għandhom jgħixu bħala dixxipli tiegħu. Ħa tifel żgħir u ressqu maġenbu, u qalilhom: “min jilqa’ dan it-tifel żgħir, ikun jilqa’ lili, u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ lil dak li bagħatni; għax min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir”. Tindunaw li Ġesù qaleb ta’ taħt fuq il-mod kif kienu jirraġunaw huma, għax ħa xi ħadd – tifel żgħir – li dak iż-żmien fis-soċjetà ma kellux leħen, ma kienx meqjus importanti – biex juri li min hu żgħir hu l-kbir. Ried jurihom li l-attitudni għandha tkun li tilqa’ lil min hu żgħir, u meta inti tilqa’ lil min hu żgħir, tinduna li qed tikkustinja fuq xejn. Ma għandekx għalfejn toqgħod titkellem fuq min hu l-ikbar. Ara l-mod kif Ġesù jipprova jfiehem lid-dixxipli kif għandha tkun ħajjithom bħala dixxipli tiegħu.

Il-kliem tiegħu hu ta’ siwi kbir għalina. L-ewwel nett, ifakkarna li aħna ma għandniex bejnietna nikkustinjaw, għax dan huma kwestjonijiet redikoli, fuq min hu l-akbar, min hu l-aqwa, min hu l-aħjar. Fil-ħajja tal-Knisja dal-kliem hu velenu, għax imur kontra dak li għallimna Ġesù. Ġesù jrid li aħna jkollna dik l-attitudni ta’ qaddej – smajnieha wkoll fil-versett tal-Hallelujah – fejn qal: “bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”. Meta aħna nkunu qaddejja, hemmhekk inkunu tassew qegħdin nilħqu l-iskop tagħna. Għalhekk mhux meta nfittxu li nkunu fuq l-oħrajn, imma meta naqdu bħalma għallimna hu.  

Imbagħad, Ġesù jgħid ħaġa tant importanti. Meta jressaq it-tifel żgħir, qed jurina l-importanza li aħna nħallu lit-tfal jgħallmuna. Fl-antik kien hemm proverbju, ilu mis-seklu 15 u ġieli jiġi ripetut, li jgħid bl-Ingliż: “children should be seen but not heard”. Kienu jużawh speċjalment fil-laqgħat tal-adulti, fejn ikun hemm it-tfal – dawk m’hemmx għalfejn jitkellmu, ħalli lill-adulti jitkellmu; lit-tfal tgħallimhom mhux toqgħod tismagħhom. Imma Ġesù qed jgħidilna hawnhekk li aħna lit-tfal għandna nisimgħuhom, noħolqulhom l-ispazju fejn jistgħu jitkellmu, indawruhom b’ħafna mħabba, nipproteġuhom minn dak kollu li hu ta’ ħsara għalihom, u nitgħallmu minnhom. Hemm ħafna li jistgħu jgħallmuna t-tfal. Fost l-oħrajn, jgħallmuna dan li qed jgħid Ġesù u jenfasizza: jekk aħna jkollna dil-qalb li tilqa’ lit-tfal, li nisimgħuhom, żgur mhux se noqogħdu nikkustinjaw fuq min hu l-akbar, għax kif jgħid Ġesù: “min hu l-iżgħar, dak hu l-kbir”. Aħna ngħidu kultant li t-tfal huma l-futur tas-soċjetà, u dan hu veru; imma huma wkoll il-preżent tas-soċjetà, u għandna naraw kif inħeġġu l-kontribut tagħhom u l-parteċipazzjoni akbar taghhom fil-familja, fis-soċjetà u fil-Knisja.

Nitolbu lill-Mulej jagħtina qalb li tilqa’ u qatt ma jkollna qalb imkabbra. Ikollna wkoll f’qalbna u f’moħħna dan il-kliem tiegħu li “min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir.”

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply