Messaġġ mill-Arċisqof lill-istudenti u l-edukaturi

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 28 ta’ Settembru 2021: Messaġġ mill-Arċisqof lill-istudenti u l-edukaturi kollha fil-bidu ta’ sena skolastika ġdida …

Madwar 17,000 student u 3,000 edukatur qed jerġgħu lura fl-iskejjel tal-Knisja għas-sena skolastika l-ġdida. Il-55 skola tal-Knisja f’Malta u Għawdex f’dawn il-jiem qed jilqgħu fiżikament lill‑istudenti u l‑edukaturi kollha f’konformità mal‑linji gwida tal‑pandemija. Dan seta’ jsir bil‑ħidma li saret mill‑iskejjel u li kompliet matul ix‑xhur tas‑sajf, kif ukoll bil‑għajnuna finanzjarja mill‑Istat.

Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija qal li minkejja l‑isfidi li ġabet magħha l‑pandemija, fosthom fil‑qasam edukattiv, l‑iskejjel tal‑Knisja qed iħarsu b’ottimiżmu lejn din is‑sena skolastika għaliex tfisser ritorn gradwali lejn normalità ġdida għall-istudenti u l-edukaturi. Is-Segretarjat qal li l-pandemija wriet l-importanza ta’ għoddod diġitali li ser ikomplu jiġu adottati fl-iskejjel tal-Knisja, u fl-istess ħin il-ħtieġa ta’ esperjenza edukattiva fejn l-istudenti u l-edukaturi jkunu flimkien permezz tal-preżenza fiżika tagħhom.

F’messaġġ lill-istudenti u l-edukaturi kollha, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li l‑edukazzjoni hija l‑pern tal‑ħajja soċjali, il‑pern tad‑demokrazija, u l‑pern tal‑konvivenza soċjali. Awgura li l-edukazzjoni tkun ukoll formazzjoni li tiftaħ mhux biss il-moħħ imma wkoll il-qalb tal-persuna. L-Arċisqof appella għal koperazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, bil-għan li t-tfal u żgħażagħ kollha jingħataw l-aħjar esperjenza edukattiva fl-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi ta’ pajjiżna. 

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply