Il-fidi tal-kowċ Taljan tal-futbol Roberto Mancini

Print Friendly, PDF & Email

Wieħed mill-kowċis li se jibqa’ mfakkar fl-istorja tal-futbol hu Roberto Mancini. Iżżommx mat-Taljani jew le ħadd minna ma jista’ jiċħad il-fatt bil-qabża kbira fil-kwalità ta’ futbol li qed joffri t-tim Taljan. Il-kampjonati Ewropej tal-2020 ma ntrebħux bix-xejn.

Lil hinn minn dan kollu, Mancini hu bniedem ta’ fidi kbira. Bħala Nisrani u Patri, dan l-aspett tant jolqotni! Dan jurini li Mancini hu ta’ veru! Kemm laqtuni l-kliem li kien qal f’intervista li kellu mal-Gazzetta dello Sport daqs sena ilu: Dejjem kont persuna reliġjuża. Kbirt fil-parroċċa u fil-futbol. Nemmen f’Ġesù u fil-Madonna. Twelidt nhar is-27 ta’ Novembru, il-jum li fih niċċelebraw lill-Verġni Marija tal-Midalja Mirakoluża. Il-fidi? Din tgħinek f’mumenti ta’ diffikultà, biex timmatura.

Hu fatt magħruf minn kulħadd li l-kowċ mistħi tal-Azzurri hu bniedem ta’ fidi kbira bħalma hu fatt magħruf ukoll li Medjugorje hu għall-qalb ta’ Roberto Mancini. Il-ħasra hi li uħud ma ntebħux bir-rabta li dan il-kowċ bena, maż-żmien, kemm mal-Verġni Marija u kif ukoll mas-sitt viżjunarji li lilhom bdiet tidher f’dan ir-raħal ċkejken tal-Bosnija u Hercegovina, għall-ewwel darba nhar l-24 ta’ Ġunju, 1981, eżattament 40 sena ilu.

L-esperjenza kalċistika ta’ Roberto hi mħawra mhux biss fl-esperjenzi ovvji li ġejjin minn dan il-kamp imma wkoll mill-familja, mill-ħajja affettiva tiegħu, minn persuni li f’ħajtu ħallew impatt tassew pożittiv u, fuq kollox, mill-fidi. Meta ġie mistoqsi minn Diaco tal-Gazzetta Dello Sport: Temmen fid-dehriet tal-Madonna f’Medjugorje? Mancini, b’għajnejh imxarrba bid-dmugħ u mingħajr ħafna tidwir mal-lewża, qal: Nemmen. Iwa. Nemminha. Mort ħafna drabi. Tħadditt ma’ Vicka (Ivankovic) u mal-viżjunarji l-oħra.

Imbagħad il-ġurnalista staqsieh: Veru li dehritlek f’ħolma qabel iltaqjt magħha? Kif din id-dehra kienet irrappreżentatha? U Mancini wieġbu hekk: Il-Kappillan tagħna f’Genova, id-direttur spiritwali tas-Sampdoria, kien qalli dwar Medjugorje ħafna snin ilu. Kien mar fi żmien fejn kienet kważi impossibbli li tmur. Għalhekk aħna qed nitħaddtu dwar it-tmeninijiet,  qisu għall-1982 u l-1983. Kien żmien fejn kien hemm problemi. Qatt ma kont rajtha (għal Vicka). Jigifieri qatt ma kont iltaqjt magħha. Madankollu, qabel mort, dehritli f’ħolma. Ma kellix l-iċken idea l-għaliex jew inkella tat-tifsira ta’ dan kollu. Ma nafx. Kienet stramba ħafna. Imbagħad mort u għedtlu wkoll. Tħaddittna ħafna drabi. Nifhem li jista’ ikun hemm nies li ma jemmnux f’dan. Nemmen li ħsiebhom għandu jiġi rispettat. Jien għandi fehma differenti. Jien favur il-libertà assoluta tal-ħsieb. Il-fidi għenitni f’mumenti kemmxejn diffiċli f’ħajti. Tgħini anki issa … Meta immur għall-quddiesa nintebaħ li jkolli siegħa probabilment aħjar mill-oħrajn. Kien hemm mumenti ta’ diffikultà imma l-fidi għenitni.

L-aħbar li Mancini, il-kowċ tal-Inter u l-Manchester City, hu bniedem ta’ fidi ħarġet fil-beraħ nhar il-25 ta’ Marzu 2012, fil-jum li fih tiġi iċċelebrata l-festa tat-Tħabbira tal-Anġlu lill-Marija li kellha tkun Omm Alla. Kien eżattament f’dan il-jum li fih Roberto Mancini mar għall-ewwel darba Medjugorje. Hawn hi l-ħolma li Roberto kellu dwar Vicka, waħda mill-viżjunarji f’Medjugorje:

Kont f’kamra ma’ ftit nies u l-viżjunarja Vicka kienet miegħi. F’mument minnhom ħarset f’għajnejja u tbissmittli tant li jien dawwart għajnejja bħallikieku kont qed inħares lejn xi ħaddieħor. Iżda, f’daqqa waħda, Vicka ressqet lejja, tant li, f’dak il-waqt, ma kelli l-ebda dubju. Ġiet tiltaqa’ miegħi. Resqet aktar viċin tiegħi. Waħħlet ħaristha f’għajnejja mill-ġdid. Imbagħad tagħtni bewsa fuq moħħi. Ħassejt is-sensazzjoni tal-kuntatt fiżiku ta’ persuna li, madankollu, qatt ma kont rajt jew sirt naf fil-ħajja.

Hekk, 9 snin ilu, Roberto Mancini mar f’Mostar u minn hemm mar f’Medjugorje għall-ewwel żjara tiegħu. Martu Federica u bintu Camilla, sieħbu lill-kowċ tas-City. Sabiħa l-esperjenza ta’ meta Mancini iltaqa’ mal-viżjunarja Vicka. Meta dħalna fid-dar Vicka laqegħtna billi għanqittna u sellmitilna b’affezzjoni speċjali. Kellmet lil Camilla u lil Federica u mbagħad qagħdna bilqiegħda f’rokna u jien fissirt fid-dettall is-sentiment li kelli meta rċevejt il-bewsa tagħha f’din il-ħolma li kien jinħass rejali. Vicka ħarset lejja b’attenzjoni u tbissmet bħallikieku kienet diġà taf kollox u qaltli: ‘Hi l-Madonna li twettaq kollox. Aħna niftħu qalbna u hi tgħidilna x’nagħmlu’. Imbagħad bdiet titlob fuqna l-ħin kollu u b’intensità kbira.

Il-ħaġa sorprendenti hi li f’dak il-perjodu t-tim tal-Manchester City kienu tmin punti wara r-rivali storiċi tagħhom il-Manchester United li, f’dik il-ħabta, kienu immexxija mill-kowċ Sir Alex Ferguson. Kien baqa’ biss sitt ijiem biex jispiċċa l-kampjonat. Wara l-pellegrinaġġ lejn Medjugorje, l-impossibbli seħħ! Fl-aħħar jum tal-kampjonat isseħħ ir-rebħa tal-Premier League, eżattament nhar it-13 ta’ Mejju, 2012, fil-festa tal-Madonna ta’ Fatima. Għal Paolo Brosio dan kien sinjal ta’ għajnuna mill-Verġni Marija. Mancini nnifsu irrepeta għal ħafna drabi: Il-fidi għenitni ħafna fil-ħajja. Mhux fix-xogħol, l-għaliex nemmen li l-Mulej u l-Madonna għandhom ħwejjeġ oħra ħafna aktar importanti xi jsolvu. Madankollu, konvint li min jitlob b’fidi jirċievi l-għajnuna. Ta’ min jgħid li José Duque, il-kowċ Portugiż tas-City, li twieled viċin Fatima, innota konċidenza mad-data tal-isfida deċisiva. Dan il-fatt għenu jifhem li l-Madonna tgħinna. Konvint li dawk li jitolbu jiġu mgħejjuna mill-Mulej.

Fl-intervista tiegħu ma’ Diaco, Mancini ftakar fl-għalliema tiegħu tal-primarja. Isimha kienet Anna Maria Bevilacqua. Meta kont ċkejken kont kemxejn fuq ruħi. Għalhekk, waqt il-lezzjonijiet fl-iskola kont noħloq xi ftit tal-problemi… Ma kontx attent ħafna jew, forsi, ma studjajtx wisq. L-għalliema tkellmet m’ommi u missieri: “L-għodwa ta’ qabel ġejt fil-klassi, minflok il-ħalib tajtu l-kamumilla …” Imbagħad, għal xi żmien, tawni tè tal-kamumilla. Imbagħad, għal ħafna żmien, tawni t-tè tal-kamumilla filgħodu. Din l-għalliema tassew kienet tħobbni u kienet imkabbra bija.

Meta lil Roberto Mancini staqsewh: Xi jmisslek qalbek? il-kowċ Taljan wieġeb: It-tfal imissuli qalbi. Aħseb ftit meta tifel jista’ jitlef lill-ġenituri tiegħu bħala tifel. Din hi xi ħaġa li tmissli qalbi ħafna l-għaliex naħseb li mhux sewwa li tifel ma jistax ikun mal-ġenituri tiegħu u tagħha. Roberto kien diġà fisser lil Brosio: Il-Mulej dejjem kien f’ħajti. L-għaliex twelidt u ġejt imrobbi fil-parroċċa tiegħi. Kont immur għall-quddiesa kull nhar ta’ Ħadd u kont abbati sakemm mort nilgħab ma’ Bologna fl-età ta’ 14 ‘il sena. Imbagħad tbegħidt u illum fhimt ukoll l-għaliex. Dan il-post għandu xi ħaġa speċjali. Ikellem lil ruħek. Jekk ilkoll ġibna ruħna bħan-nies li jgħixu u li jaħdmu f’Medjugorje, kollox ikun differenti. Ħafna jgħidu li m’għandhomx ħin biex jitolbu. Jien għedt hekk ukoll. Imma aħna għandna nagħmlu bħalma tgħidilna l-Madonna: Ibda’ bil-mod kull darba u kun kostanti għax imbagħad wieħed jirrejalizza li ma jgħaddix mingħajru aktar. Mill-kurżità li ħaditni f’Medjugorje għall-ewwel darba, bqajt għaddej għall-aktar żjajjar konvinti. Iltqajt u tħadditt ma’ nies li għallmuni xi ħaġa. Meta tiltaqa’ mal-uġigħ tgħinek tikber ukoll. Ilni ftit ma’ mmur imma se nirritorna ma’ ndumx.

Medjugore! Il-post fejn il-Mulej, permezz ta’ Ommna Marija, bidel il-qalb ta’ Roberto Mancini! Min jista’ lill-Mulej jiddettalu kif jaħdem? Jaħdem ma’ min, kif u fejn irid! Imma tafu l-aħwa x’inhi s-sabiħa: li l-frott f’Medjugorje hu frisk u bnin! U, dak li hu mnalla ma jħassru ĦADD! Għalhekk, aqbad f’idejk il-kuruna, itlob ir-Rużarju mqaddes kuljum. U tara l-barka ġejja fuqek! U jekk Marija tistiednek tmur Medjugorje mur! Jgħidulek x’jgħidulek, dik Ommok tibqa’! U bħalma tħobbok hi, emminni ngħidlek għax inġarrbu kull ħin jien, li ma jħobbok ĦADD! Żurha u tfarraġ bħalma farrġet lil Roberto Mancini meta żarha!

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading