San Leopoldu Mandić fil-jiem tal-festa tiegħu fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

Print Friendly, PDF & Email

Nhar l-Erbgħa 12 ta’ Mejju 2021, festa ta’ San Filep t’Aggira, kienet ukoll il-festa tal-patri umli u moħbi Kapuċċin, San Leopoldu Mandić. Dan il-qaddis hu l-qaddis padrun ta’ dawk li huma morda bil-marda tal-kanċer.

Kien bix-xieraq li, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, Ċentru ta’ eċċellenza fit-trattament tal-marda tal-kanċer minn kull aspett, ħsibna biex niċċelebraw il-festa ta’ dan il-qaddis kbir għax umli u ħabrieki ma ngħidlekx kemm, Kroat. San Leopoldu jolqotni ħafna għad-disponibiltà kbira li kellu għall-Mulej u għall-bnedmin! Għall-Mulej, l-għaliex kien iqatta’ parti kbira mill-lejl jitlob quddiem Ġesù Sagramentat u matul il-jum jitlob it-talba tar-Rużarju minn ħin għall-ieħor. Filwaqt li l-jum kien jgħaddih iqarar fil-kamra ċkejkna tiegħu fil-kunvent ta’ Santa Croce f’Padova. Mhux ta’ b’xejn li, fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-ħames bombi li ġew fuq il-kunvent tagħna l-Kapuċċini f’Santa Croce qerduh għal kollox u baqgħu biss intatti l-kamra ta’ San Leopoldu fejn kien iqarar u l-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes, il-Parona Benedetta, kif kien iħobb isejħilha. Kemm talab quddiemha il-qaddis tagħna ċkejken fis-sura u kbir fil-qdusija!

Mill-Ħamis 13 sal-Ħadd 16 ta’ Mejju 2021 lil San Leopoldu, permezz tar-relikwa tiegħu, ħadnieh kuljum u ma’ kull rokna taċ-Ċentru tal-Onkoloġija. Ngħid li għejjejnieh miskin daqskemm dawwarnieh! Ħaġa tal-iskantament: kulfejn ħadnieh in-nies ħabbewh! Għax min hu umli, anki jekk ma tafux personalment, ma tistax ma tinġibiddx lejh! Min hu ġeneruż ixxommu minn seba’ mili bogħod! Min hu ħelu f’imġiebtu ma tistax ma tinħalx għall-Ispirtu s-Santu li jaħdem fih!

Kemm nies xerrdu dmugħ ta’ kuraġġ quddiem San Leopoldu! U min qallu ħaġa u min qallu oħra. Imma kien hemm talba li l-pazjenti kollha tal-Onkoloġija żgur li talbuh! Inħalli għalikom x’kienet! U tibżgħux! Għax San Leopoldu dan it-talb jisimgħu fuq li jisimgħu! U, ta’ bniedem suq ħa mmorru li hu, mhux ħa jitlef żmien biex jgħinnkom!

F’dan kollu ma nistax ma narax il-liturġija tal-festa ta’ dan il-qaddis ma ssirx rejaltà quddiemi. Diġà l-antifona ta’ l-Introjtu tal-quddiesa ta’ San Leopoldu tgħid ħafna fuq min kien il-ħabib tagħna Bogdan, kif kienu semmewh oriġinarjament ommu u missieru! Għax b’ħajtu, San Leopoldu għanna dak li nsibu fil-vanġelu skont San Luqa, kapitlu 4 vers 18: L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, infarraġ ‘il dawk li qalbhom muġugħa.

F’din il-festa rajt kemm tassew kienet qawwija l-kariżma tal-qrar f’San Leopoldu. Dan l-għaliex, permezz tiegħu, il-Mulej ġab għall-qrar ħafna nies li, uħud minnhom, kienu ilhom sewwa ma jqerru. U dan qed ngħidu għax inħossni rrid niżżi ħajr lil Ġesù li għadu jaħdem b’tant qawwa f’ħuna u l-ħabib tagħna Leopoldu. Barra minhekk, aktar mal-Mulej qed jagħtini grazzja nsir naf lil San Leopoldu aktar qed nammira fih il-prudenza, l-għaqal u s-skiet tiegħu! Aktar u aktar fis-sagrament tal-qrar! X’valuri importantissmi huma dawn illum fejn il-protagoniżmu għal uħud sar kemm il-ħobżna ta’ kuljum u anki l-istess nifs li jieħdu! Barra minnhekk, x’messaġġ mediċinali hi l-persuna ta’ San Leopoldu għal dawk li moħħhom biss li jgħidu kif iħossuha mingħajr ma jqisu l-konsegwenzi ta’ dak li jkunu qalu. Oh kemm San Leopoldu jgħallimna fil-biċċa għerf kbir li kien jgħallimni s-Superjur Ġenerali tal-MUSEUM, Victor Delicata: Aħseb dejjem x’jiġi wara!

Il-liturġija ta’ din il-festa tgħallimni b’liema tjieba u ħniena San Leopoldu kien jilqa’ għandu l-midinbin. Tant li kien jgħidilhom: Taqtax qalbek; qiegħed kollox fuq spallejja; nieħu ħsieb jien. U veru tafux l-għaliex aqta’ kemm kien joffri huwa nnifsu sagrifiċċji, penitenzi, talb u tbatijiet oħra għalihom! Basta jħaffef mill-piż lill-penitenti tiegħu! Araw x’tgħidilna t-talba tal-kolletta tal-quddiesa f’ġieħ San Leopoldu: O Alla, li inti l-għaqda sħiħa u l-aqwa ġid: int żejjint lil San Leopoldu, saċerdot, b’tjieba u ħniena għall-midinbin, u b’ħeġġa liema bħalha għall-għaqda bejn l-insara; għat-talb tiegħu agħtina li niġġeddu fil-qalb biex inkunu nistgħu nwasslu l-imħabba tiegħek lil kulħadd u naħdmu għalenija għall-għaqda fis-sliem ta’ dawk kollha li jemmnu fik. B’Ibnek …

Anki fit-talba ta’ fuq l-offerti l-liturġija tal-festa tiegħu tfakkarna, b’mod tal-għaġeb, fl-imħabba kbira li kellu San Leopoldu lejn kull persuna. Din it-talba tgħidilna hekk: Ilqa’, Mulej, din l-offerta tagħna, u agħtina li nħossu fina b’mod ħaj l-imħabba tiegħek, biex fuq l-eżempju ta’ San Leopoldu, naqdu l-artal tiegħek b’qalb safja u ġeneruża, u hekk niċċelebraw kif jixraq it-tifħir tiegħek u naqilgħu mingħandek il-frott tas-salvazzjoni. Bi Kristu Sidna. Imma x’artal hu li qed nirriferu għalih? Aħna li nemmnu! Meta naqdu lil xulxin, bi mħabba kbira, bħalma għamel San Leopoldu! Hekk tgħidilna l-antifona tat-Tqarbin: Għax la l-ħobża hi waħda, aħna li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; għax ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda. Ħallelujah!

Quddiem bniedem qaddis bħal San Leopoldu, li lanqas ħdejn subgħajh iż-żgħir ma noqgħod, nagħmel tiegħi t-talba ta’ wara t-Tqarbin tal-festa ta’ dan il-Kroat qalbieni: O Alla, Missier tagħna, li saħħaħtna b’dan il-ħobż tal-ħajja, agħmel li aħna nimxu fuq l-eżempju ta’ San Leopoldu, inqimuk bla heda u, bi mħabba li qatt ma tiġi nieqsa, naħdmu għall-ġid ta’ kulħadd. Bi Kristu Sidna.

Din hu li nixtieq inwettaq għall-pazjenti, l-familjari u l-membri tal-istaff fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo! Amen!

Patri Mario Attard OFM Cap