Qari tal-Erbgħa tas-Sbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – L-Erbgħa

Qari I

Għaliex għandi nibqa’ mnikket għal dejjem  “Jekk iddur lejja, irreġġgħek lejja biex tieqaf quddiemi”.

Ġer 15, 10.16-21

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Imsejken jien, omm! Għaliex ulidtni

bniedem ġellied, li għandu xi jgħid mal-pajjiż kollu!

Jien la slift u lanqas issellift,

u madankollu kulħadd jisħetni.

Jien sibt kliemek, u kiltu;

u kelmtek saritli l-ferħ u l-hena ta’ qalbi;

għax ismek issejjaħ fuqi,

Mulej, Alla tal-eżerċti.

Jien ma mortx fost iż-żufjettużi,

ma fraħtx magħhom;

jien qgħadt għalija waħdi quddiem qawwietek

għax inti mlejtni bil-korla.

Għaliex għandi nibqa’ mnikket għal dejjem,

u l-marda kronika tiegħi ma tfiq qatt?

Se ssir int għalija bħal nixxiegħa qarrieqa li tinxef?

Għalhekk dan jgħid il-Mulej:

“Jekk iddur lejja, irreġġgħek lejja

biex tieqaf quddiemi;

jekk tagħżel dak li jiswa

minn dak li ma jiswiex,

int tkun bħal fommi.

Jerġgħu lura huma lejk,

u mhux int terġa’ lura lejhom.

Nagħmlek sur qawwi tal-bronż kontra dan il-poplu;

huma jaħbtu għalik,

iżda ma jkunux jifilħu għalik;

għax jiena miegħek,

biex neħilsek u nsalvak.

Oraklu tal-Mulej.

Neħilsek mill-qawwa tal-ħżiena,

u nifdik minn id it-tiranni”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 58 (59), 2-3.4-5a.10-11.17.18

R/. (17d): Mulej, int kenn tiegħi f’jum id-dwejjaq

Eħlisni mill-għedewwa, o Alla tiegħi,

ħarisni minn dawk li jqumu għalija.

Eħlisni minn dawk li jagħmlu l-ħażen,

salvani min-nies qattiela. R/.

Għax huma jinħbew biex jonsbuli ħajti,

nies qalila jinġemgħu kontrija;

u dan, Mulej, bla tort u bla ħtija tiegħi.

Għalkemm jien bla ħtija,

huma jiġru u jlestu għalija. R/.

Qawwa tiegħi, jiena lilek nistenna,

għax inti, Alla, fortizza tiegħi.

Alla tiegħi, imħabba tiegħi, jiġi jilqagħni;

jurini Alla l-għedewwa tiegħi mirbuħa. R/.

Iżda jien ngħanni lill-qawwa tiegħek;

ngħanni ferħan filgħodu fit-tieba tiegħek

għax int sirt fortizza għalija,

kenn tiegħi f’jum id-dwejjaq. R/.

Qawwa tiegħi, lilek ferħan ngħanni;

għax inti, Alla, fortizza tiegħi,

Alla tiegħi, imħabba tiegħi! R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 15, 15b

Hallelujah. R/. Hallelujah

Sejjaħtilkom ħbieb, jgħid il-Mulej

għaliex kulma smajt mingħand Missieri

jiena għarrafthulkom.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Imur ibigħ kulma jkollu u jixtri dik l-għalqa.

Mt 13, 44-46

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kulma jkollu u jixtri dik l-għalqa. Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kulma kellu u xtara lilha”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu