Qari tal-Ħamis tas-Sbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Il-Ħamis

Qari I

Bħalma hu t-tafal f’idejn il-fuħħari, hekk intom f’idejja, dar Iżrael.

Ġer 18, 1-6

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej u qallu: “Qum u inżel għand il-fuħħari: u hemm jiena nsemmgħek kliemi”. Jiena nżilt għand il-fuħħari, u sibtu qiegħed jaħdem fuq ir-rota. U hekk kif il-ġarra li kien qed jaħdem ħarġitlu ħażin, kif jiġrilu t-tafal f’idejn il-fuħħari, dan raġa’ għamel oħra minnha kif għoġob lilu. Imbagħad il-Mulej kellimni u qalli: “Dar Iżrael, jaqaw ma nistax nimxi magħkom bħal dan il-fuħħari? Oraklu tal-Mulej. Bħalma hu t-tafal f’idejn il-fuħħari, hekk intom f’idejja, dar Iżrael”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 145 (146), 2abċ.2d-4.5-6

R/. (5a): Hieni min f’Alla ta’ Ġakobb isib l-għajnuna tiegħu

Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

Infaħħar il-Mulej tul ħajti kollha;

ngħanni lil Alla tiegħi kemm indum ħaj. R/.

La tittamawx fil-kbarat,

għax il-bniedem ma jsalvakomx.

Malli toħroġ ruħu, lejn l-art jerġa’ jmur;

jintemmu dakinhar ħsibijietu. R/.

Hieni min f’Alla ta’ Ġakobb

isib l-għajnuna tiegħu,

min għandu t-tama fil-Mulej, Alla tiegħu,

li għamel is-sema, l-art u l-baħar, u kulma jinsab fihom;

hu li jżomm kelmtu għal dejjem. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Atti 16, 14b

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iftħilna qalbna Mulej,

biex nifhmu l-kliem ta’ Ibnek.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin.

Mt 13, 47-53

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox. Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin. Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien. Kollu fhimtuh dan?”. “Iva”, qalulu. U hu qalilhom: “Għalhekk kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim”. Meta mbagħad Ġesù temm dawn il-parabboli, telaq minn hemm.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu