Nancy Pelosi, l-ispeaker tal-Parlament Amerikan, din il-ġimgħa kienet f’Ruma biex tindirizza l-konferenza tal-ispeakers tal-Parlament tal-G20. Nhar il-Ħadd 10 ta’ Ottubru kienet għall-Quddiesa li ssir bl-Ingliż fil-knisja ta’ Saint Patrick. Kellha taqra t-tieni qari tal-Quddiesa imma kienet imġiegħla tħalli l-knisja qabel il-waqt minħabba inċident ta’ sigurtà.
Folla ta’ dimostranti kontra l-Green Pass kienu fi triqthom lejn il-knisja ta’ Saint Patrick.
Dan l-aħħar Pelosi kellha konfront mal-Arċisqof Francisco Salvatore Cordileone minħabba l-appoġġ tagħha favur l-abort.
Is-Sibt 9 ta’ Ottubru, Pelosi u r-raġel tagħha kellhom laqgħa mal-Papa Franġisku u ma uffiċjali għolja tal-Vatikan. Meta l-Papa jiltaqa’ ma persuni li jkunu qed jippromwovu liġijiet li mhumiex skont ir-regoli tal-Knisja ma jfissirx li jkun qed japprovahom. Dan jgħodd ukoll għal meta politiċi li qed jgħinu għal ċerti liġijiet jattendu għall-Quddiesa fil-knisja.
Rapport għal-Laikos minn Joe Galea