Ir-rapport dwar l-abbużi fuq it-tfal li sar mill-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

Aħbar dwar abbużi sesswali fuq it-tfal minn uffiċjali tal-Knisja Kattolika ġġib magħha xita ta’ kummenti li juru r-rabja tan-nies għal dawn l-atti li jħallu ħsara kbira fit-tfal. Imma jkun tajjeb li, qabel ma nikkummentaw, naraw li nkunu nafu s-sors minfejn tkun ġejja l-aħbar.

Fil-każ tal-abbużi fi Franza, fejn l-aħbar kienet li f’dawn l-aħħar 70 sena madwar 216,000 tfal kienu abbużati fi Franza minn qassisin, patrijiet, djakni u sorijiet, ir-rapport li żvela dan kollu sar mill-Knisja stess.

X’kien l-iskop tar-rapport u tal-konferenza-stampa li saret f’Pariġi nhar it-Tlieta 5 ta’ Ottubru mill-Isqfijiet ta’ Franza biex jiġi spjegat ir-rapport?

Il-konferenza-stampa tal-Isqfijiet Franċiżi

L-inizjattiva mill-Knisja

Ir-rapport sar minn ‘Kummissjoni Indipendenti dwar l-Abbuż Sesswali fil-Knisja’, (CIASE). L-iskop ma kienx sempliċiment biex jitfa’ dawl fuq l-abbużi sesswali fil-Knisja fi Franza, imma wkoll biex jagħti rakkomandazzjonijiet li jkunu ta’ għajnuna lill-Knisja ħalli tindirizza b’mod aħjar każi ta’ abbużi ta’ dan it-tip. Ir-rapport ta’ din il-Kummissjoni, li fih 2,500 paġna, hu l-frott ta’ 32 xahar ta’ xogħol. Inkluda studju biex jiddetermina kif il-każi msemmija ġew ittrattati mill-Knisja.

Investigazzjonijiet bħal dawn huma meħtieġa biex iwaqqfu din il-pjaga li rvinat il-ħajjiet ta’ eluf ta’ nies u li sfigurat bl-ikrah lill-Knisja Kattolika. Hu importanti wkoll li dak li joħroġ mir-rapporti jkun komunikat b’mod korrett.

Il-‘Kummissjoni Indipendenti dwar l-Abbuż Sesswali fil-Knisja’ ġiet kostitwita fl-2018 fuq l-inizjattiva tal-Knisja Kattolika fi Franza u ġiet finanzjata minnha. Id-deċiżjoni biex tinħoloq il-Kummissjoni kienet ir-riżultat ta’ ħidma mill-assemblea plenarja kontra l-abbuż, li saret f’Lourdes fl-istess sena u li fiha għall-ewwel darba ħadu sehem numru ta’ vittmi li kienu ġew abbużati. Il-laqgħa fiżika bejn l-Isqfijiet Franċiżi u l-vittmi tal-abbuż hi meqjusa bħala radikali fil-proċess ta’ kif il-Knisja tittratta każi ta’ abbuż sesswali.

L-assemblea li ltaqgħet f’Lourdes fl-2018 twieldet mir-rivelazzjonijiet drammatiċi li xxandru fl-2105 dwar Father Bernard Preynat, li kien akkużat b’abbuż ta’ għexieren ta’ minuri bejn l-1971 u l-1991. Dan fetaħ għajnejn il-membri tal-Episkopat Franċiż għall-bżonn li jitneħħa l-velu li kien jgħatti dawn l-atti kriminali u biex jittieħdu miżuri ħalli jinkixfu l-predaturi msieħba fil-Knisja. L-allegazzjonijiet kontra Father Preynat kienu wasslu biex ma jitħalliex jipprattika s-saċerdozju wara li fl-2019 instab ħati minn qorti tal-Knisja. Imbagħad, fl-2020 Father Preynat ħa l-piena mistħoqqa minn qorti ċivili. Il-każ ta’ Father Preynard wassal ukoll għar-riżenja tal-Kardinal Philiipe Barbarin, li kien l-Arċisqof tal-belt ta’ Lyon.

X’Jgħid ir-rapport

Ir-rapport tal-‘Kummissjoni Indipendenti dwar l-Abbuż Sesswali fil-Knisja’ jsemmi li 216,000 minuri kienu vittma ta’ abbużi sesswali minn saċerdoti, patrijiet, sorijiet u djakni bejn l-1950 u 2020. In-numri huma bażati fuq stħarriġ immexxi mill-kumpanija Franċiża IFOP, fuq kampjun ta’ 28,000 persuna. Il-Kummissjoni intervistat 243 persuna u rċeviet  2,819 ittra. Ir-rapport tal-CIASE inkluda informazzjoni mill-arkivji tal-Knisja Franċiża li l-Kummissjoni kellha aċċess sħiħ għaliha. 

Sitta u ħamsin fil-mija tal-inċidenti msemmija ġraw bejn l-1950 u l-1969. Normalment il-fatti ta’ dawn il-każi ma jiġux imxandra fil-pubbliku, kemm minħabba statuti ta’ limitazzjoni kif ukoll għax ħafna minn dawk li abbużaw ikunu mietu.

Meta l-president tal-kummissjoni, Jean-Marc Sauvé, ippreżenta r-rapport tal-Kummissjoni, qal li l-abbużi sesswali naqsu fis-snin 70 u 80, kif wkoll fil-bidu tal-90 u tbaxxew iżjed fl-aħħar snin.

Sauvé, li hu wkoll il-president tal-‘Istitut tax-Xjenzi Amministrattivi’ ta’ Franza, innota li, filwaqt li l-Knisja Franċiża naqset milli tibni relazzjoni kif inhu xieraq mal-vittmi, mis-sena 2000 ‘ l hawn ħadmet biex ma jitħallewx isiru abbużi f’kull livell tal-Knisja.

Il-Kummissjoni sabet li, f’perjodu ta’ 70 sena, il-vjolenza sesswali minn kjeriċi tal-Knisja Kattolika rrapreżentat 4% tat-total ta’ vjolenza sesswali fis-soċjetà Franċiża. Kienet tinvolvi bejn 2,900 u 3,900 kjeriku, li jirrapreżenta persentaġġ ta’ bejn 2.5 u 2.8% tal-kleru kollu.

F’dan ir-rigward, il-ġurnal Le Figaro fakkar li, skont l-aħħar figuri pubblikati mill-Konferenza Episkopali ta’ Franza, mill-2018 sal-2020 kien hemm medja ta’ 35 każi ta’ minuri li ġew abbużati minn qassisin kull sena. Dawn il-figuri jġibu l-persentaġġ kurrenti ta’ 0.26%, li hu ħfna inqas mill-medja li ġiet provduta mir-rapport għall-perjodu mill-1950 sal-2020.

Min huma l-vittmi

Tmenin fil-mija tal-vittmi huma subien, l-aktar bejn l-10 u t-13-il sena. Din il-medja tidher li qed togħla maż-żmeen u qed tinvolvi iktar u iktar adolexxenti kbar. Fil-bqija tas-soċjetà, il-bniet żgħar huma vittmi ta’ abbużi sesswali, bi 80% fiċ-ċrieki tal-familja. Sauvé kkjarifika wkoll li t-tip ta’ vjolenza magħmula minn kjeriċi hi b’mod ġenerali ftit inqas serja minn dik magħmula minn aggressuri oħra. 

Iktar minn terz ta’ dawk li jabbużaw huma nies lajċi li jagħmlu xogħol fil-Knisja. It-total tal-każi ta’ abbuż li jinvolvu minuri fil-Knijsa Kattolika fi Franza jitla għal 330,000, jekk l-abbużi mwettqa minn lajċi huma miżjuda. 

Kultura ta’ vjolenza sesswali fi Franza

Il-vjolenza sesswali fuq minuri hi mxerrda ħafna fi Franza kollha. Is-survey tal-IFOP (il-kumpanija li semmejna) u li fuqha hu msejjes ir-rapport ta’ CIASE sab li 5.5 miljun li llum joqogħdu fi Franza kienu vittma ta’ vjolenza sesswali meta kienu żgħar. Hu magħruf li l-biċċa l-kbira minn dawn l-abbużi saru fil-familja jew f’i ċrieki ta’ ħbieb.

Għalkemm il-Knisja tirrapreżenta ambjent bit-tieni l-ikbar inċidenzi ta’ każi ta’ abbużi sesswali fi Franza, b’rata ta’ 0.82% fost il-Kattoliċi, ir-rapport kixef ukoll li fl-istess perjodu kien hemm 141,000 każi fl-iskejjel pubbliċi Franċiżi, u dan jeskludi l-‘boarding schools’.

Barra minn hekk, storikament il-pedofilja kienet aċċettata u wkoll difiża fl-isferi kollha tal-intellettwali Franċiżi tas-snin 70 u 80. F’opinjoni pubblikata fl-1976, għadd kbir ta’ personalitajiet prominenti minn kull faxxa tal-politika Franċiża urew ix-xewqa li f’ġieħ il-libertà l-liġi għandha tħalli li l-adulti jkollhom relazzjoni sesswali mat-tfal. Fost dawn il-personalitajiet hemm Jack Lang, li kien ministru tal-Kultura u l-Edukazzjoni  Nazzjonali, lil Bernard Kouchner, ministru tal-Affarijiet Barranin mill-2007sal-2010 u lill-filosfu Jean-Paul Sartre.

Rapport għal-Laikos minn Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.