Qari tat-Tnejn tad-Dsatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Id-Dsatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – It-Tnejn

Qari I

Hekk dehritli x-xbieha tal-glorja tal-Mulej.

Eżek 1, 2-5.24-28ċ

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Fil-ħamsa tax-xahar, meta s-sultan Ġeħojakin kien ilu ħames snin itturufnat, il-kelma tal-Mulej ġiet lil Eżekjel, bin il-qassis Bużi, fl-art tal-Kaldin ħdejn ix-xmara Kebar; kien hemm li ġiet fuqu id il-Mulej. Kont qiegħed inħares, u f’daqqa waħda ħassejt riefnu ġej min-naħa tat-Tramuntana, u rajt sħaba kbira, imdawra bid-dija, u nar ileħħ il-ħin kollu minnha, u ġon-nar bħal bronż ileqq. F’nofsha kien hemm xbieha ta’ erba’ ħlejjaq ħajjin, li mid-dehra tagħhom kellhom is-sura ta’ bniedem. U smajt il-ħoss ta’ ġwenħajhom bħall-ħoss ta’ ilma kotran, donnu l-leħen ta’ Alla li jista’ kollox; huma u mexjin kienu jagħmlu ħsejjes li jtarrxu, qisu l-ħoss ta’ eżerċtu, u meta jieqfu kienu jniżżlu ġwenħajhom.

Instema’ ħoss mill-għoli tas-sema mifrux fuq rashom; u meta huma waqfu niżżlu ġwenħajhom. Fl-għoli tas-sema, mifrux fuq rashom, kien hemm bħal żaffir f’għamla ta’ tron, u fuq din l-għamla ta’ tron kien jidher bħal bniedem bilqiegħda fuqu fl-għoli. U rajt bħal bronż ileqq donnu nar li kien jagħlqu minn kullimkien, qisu minn ġenbejh ’il fuq; u rajt bħal nar qisu minn ġenbejh ’l isfel u dija madwaru kollu, bħal qawsalla fis-sħab meta tagħmel ix-xita; hekk kont tistħajjilha d-dija ta’ madwaru. Hekk dehritli x-xbieha tal-glorja tal-Mulej, u malli rajtha nxtħett wiċċi fl-art.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 148, 1-2.11-12ab.12ċ-14a.14bċd

R/. : Is-smewwiet u l-art mimlija bil-glorja tiegħek

jew Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Faħħru l-Mulej mis-smewwiet,

faħħruh fl-ogħla smewwiet!

Faħħruh, anġli tiegħu kollha,

faħħruh, eżerċti tiegħu kollha! R/.

Is-slaten tal-art u l-ġnus kollha,

il-kbarat u l-imħallfin kollha tal-art,

iż-żgħażagħ u x-xbejbiet ukoll,

ix-xjuħ flimkien mat-tfal:

ħa jfaħħru isem il-Mulej. R/.

Għax ismu waħdu l-għoli,

sebħu ’l fuq mill-art u s-sema!

Hu għolla l-qawwa tal-poplu tiegħu;

dan hu t-tifħir għal ħbiebu kollha,

għal ulied Iżrael, il-poplu għażiż tiegħu. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

2 Tess 2, 14

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla sejħilkom permezz tal-Evanġelju,

biex ikollkom sehem fil-glorja ta’ Ġesù Kristu.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Joqtluh, u fit-tielet jum iqum. Is-sudditi meħlusa mit-taxxa.

Mt 17, 22-27

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, meta d-dixxipli kienu flimkien fil-Galilija, Ġesù qalilhom: “Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin u joqtluh, u fit-tielet jum iqum”. U huma sewdu qalbhom ħafna.

Reġgħu daħlu Kafarnahum, u resqu fuq Pietru dawk li jiġbru t-taxxa għat-tempju, u qalulu: “L-imgħallem tagħkom ma jħallashiex it-taxxa?”. “Iva”, qalilhom.

Meta daħal id-dar, Ġesù, bla ma ħallieh jitkellem, staqsieh: “Int x’jidhirlek, Xmun? Is-slaten tal-art mingħand min jiġbruha t-taxxa jew il-ħaraġ, mingħand is-sudditi jew mingħand il-barranin?”. “Mingħand il-barranin”, wieġbu Pietru. U Ġesù qallu: “Mela s-sudditi meħlusa minnha. Iżda, biex ma tkun ta’ ebda skandlu għalihom, asal wasla sal-baħar, ixħet ix-xlief u, l-ewwel ħuta li ttalla’, aqbadha, iftħilha ħalqha, u għandek issib munita tal-fidda; ħudha minn hemm u mur agħtiha lilhom għalija u għalik”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu