Qari tad-9 ta’ Awwissu – Festa ta Santa Tereża Benedetta tas-Salib

Print Friendly, PDF & Email

9 ta’ AwwissuS. Tereża Benedetta tas-Salib -Festa

Qari I

Ħos 2: 16b.17b.21-22

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħosegħa

Dan jgħid il-Mulej: Arawni, jiena lill-għarusa tiegħi neħodha fid-deżert, lil qalbha nkellem. Hemmhekk hi twieġeb bħal fi żmien żgħożitha, bħal fi żmien ħruġha minn ġo art l-Eġittu.

U għal dejjem ngħarrsek miegħi, ngħarrsek miegħi fis-sewwa, fil-ħaqq u t-tjieba u l-ħniena, b’rabta fidila jiena ngħarrsek miegħi, u tagħraf lill-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali

44: 11-12.14-17

R/. Oħorġu ilqgħu lil Kristu l-Mulej!

Isma’, binti, ħares u agħti widen,

insa ’l ġensek u ’l dar missierek.

Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek;

u int, għax hu sidek, agħtih qima. R/.

Kollha ġmiel bint is-sultan bil-ġawhar,

minsuġ bid-deheb ilbiesha.

Għand is-sultan jeħduha bix-xbejbiet warajha,

it-tfajliet li jingħatawlha bi sħaba. R/.

Jittieħdu b’għajjat ta’ ferħ u hena,

jidħlu fil-palazz tas-sultan.

Flok missirijietek jilħqu wliedek,

inti tqegħidhom kapijiet fuq l-art kollha. R/.

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

R/. Hallelujah

Din hi xebba bil-għaqal, li l-Mulej sabha tishar; meta ġie l-Mulej, daħlet miegħu għall-festa tat-tieġ.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Mt 25:1-13

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet issir tixbah lil għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus. Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, għax il-boloh ħadu l-imsiebaħ u ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ, iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. Il-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.

Imbagħad f’nofs ta’ lejl instema’ min jgħajjat, ‘Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!’ Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin, ‘Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew.’ Qabżu l-għaqlin u qalu, ‘Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom.’ Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus, u dawk li kienu lesti daħlu miegħu fis-sala, u l-bieb ingħalaq. Sa fl-aħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu, ‘Mulej, Mulej, iftħilna!’ Iżda hu weġibhom u qal, ‘Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx.’ Ishru, mela għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.”

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.