Qari tas-Sibt tad-Dsatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Id-Dsatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Is-Sibt

Qari I

Lil kull wieħed minnkom niġġudikah skont imġibtu.

Eżek 18, 1-10.13b.30-32

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: “Xi tridu tfissru bih dan il-proverbju għall-art ta’ Iżrael: “Il-missirijiet kielu l-għeneb qares u ddarrsu snien uliedhom”? Daqskemm jien ħaj, oraklu ta’ Sidi l-Mulej, ma jkollkomx għalfejn ittennuh iżjed dan il-proverbju f’Iżrael. Araw, kulħadd huwa tiegħi; bħall-ħajja tal-missier hekk dik tal-iben tiegħi huma. Min jagħmel id-dnub, ikun hu li jmut.

Jekk wieħed jgħix ħajja sewwa u jagħmel il-ħaqq u s-sewwa, jiġifieri ma jmurx jiekol fuq il-muntanji, ma jerfax għajnejh lejn l-idoli tad-dar ta’ Iżrael, ma jtebbax il-mara ta’ għajru, ma jersaqx lejn mara fl-inġiesa tagħha, ma jaħqar lil ħadd, irodd lura r-rahan tad-dejn, ma jisraqx, jagħti ħobżu lil min hu bil-ġuħ, jostor bl-ilbies lill-għeri, u ma jislifx bl-imgħax, ma jiħux interessi, iżomm idu mill-ħażen, jagħmel il-ħaqq skont is-sewwa bejn bniedem u ieħor, iġib ruħu skont il-kmandamenti tiegħi u jħares id-digrieti tiegħi biex jagħmel is-sewwa, min jagħmel dan kollu huwa ġust, u żgur jgħix, oraklu ta’ Sidi l-Mulej.

Iżda jekk huwa jiled iben li jagħtiha għas-serq u għat-tixrid tad-demm, jaqaw iben bħal dan se jgħix? Le, ma jgħixx; hu jkun għamel dawn il-ħwejjeġ moqżieża kollha, u żgur imut, demmu jkun fuqu.

Għalhekk lil kull wieħed minnkom niġġudikah skont imġibtu, dar Iżrael, oraklu tal-Mulej. Indmu, u erġgħu lura minn dnubietkom kollha, biex ma jkollkomx xi jwaqqagħkom fil-ħażen. Biegħdu minnkom il-ħtijiet kollha li waqajtu fihom, u ġeddu qalbkom u ruħkom. L-għala tridu tmutu, dar Iżrael? Jiena ma nieħu pjaċir bil-mewt ta’ ħadd! Oraklu tal-Mulej. Mela indmu u għixu”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 50 (51), 12-13.14-15.18-19

R/. (12a): Oħloq fija qalb safja, o Alla

Oħloq fija qalb safja, o Alla,

u spirtu qawwi ġedded fija.

La twarrabnix minn quddiemek;

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

Lill-midinbin ngħallem triqatek,

u l-ħatjin lejk jerġgħu lura. R/.

Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju;

noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.

Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma;

qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mt 11, 25

Hallelujah. R/. Hallelujah

Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,

għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-saltna wrejthom liċ-ċkejknin.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

Mt 19, 13-15

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, ressqu quddiem Ġesù xi tfal żgħar biex iqiegħed idejh fuqhom u jitlob għalihom. Iżda d-dixxipli qabdu jgħajtu magħhom. U Ġesù qalilhom: “Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u la żżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”. Imbagħad qiegħed idejh fuqhom u telaq minn hemm.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu