Qari tal-Ġimgħa tad-Dsatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Id-Dsatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Il-Ġimgħa

Qari I

Xejn ma kien jonqsu t-tiżjin li jien qegħedt fuqek, oraklu ta’ Sidi l-Mulej. Imma int intlaqt għaż-żína.

Eżek 16, 1-15.60.63

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Ġiet fuqi l-kelma tal-Mulej u qalli: “O bniedem, uri ’l Ġerusalemm l-għarukażijiet tagħha, u għidilha: Dan jgħid Sidi l-Mulej lil Ġerusalemm: Nislek u twelidek mill-art tal-Kangħanin: missierek mill-Amurrin u ommok mill-Ħittin. Fi twelidek, nhar twelidek, ma qatgħulekx il-ħajta ta’ żokortok, bl-ilma ma ħaslukx biex titnaddaf, ma għorkukx bil-melħ u anqas fisqewk fil-faxex. Ebda għajn ma tħassritek biex tagħmillek xi ħaġa minn dan kollu u tħenn għalik, imma stkerrħuk u rmewk fuq wiċċ ir-raba’ f’jum twelidek, dakinhar li int twelidt!

Għaddejt jien minn ħdejk, rajtek titmiegħek f’demmek u għedtlek kif kont mgħargħra f’demmek: Int tgħix u tikber bħal nebbiet tar-raba’. U int trabbejt, u kbirt u lħaqt il-milja ta’ xbubitek; sidrek imtela u xagħrek kiber, imma kont għadek għarwiena u mikxufa. U jiena għaddejt minn ħdejk u ħarist, u rajtek li kont fi żmienek, żmien l-imħabba. Jien frixt fuqek djul mantari u għattejtlek għawarek; u ħliftlek u dħalt f’patt miegħek, u int sirt tiegħi, oraklu ta’ Sidi l-Mulej. Ħsiltek bl-ilma, naddaftlek demmek u biż-żejt dliktek. Libbistek il-brukkat u xeddejtlek sandli tad-delfin, dawwartek bl-għażel u ksejtek bil-ħarir. Żejjintek bil-ġawhar; qegħedtlek il-brazzuletti f’dirgħajk, u ġiżirana ma’ għonqok; qegħedtlek ħolqa f’imnifsejk, u msielet f’widnejk, u dijadema sabiħa tlellex f’rasek.

Kont imżejna bid-deheb u l-fidda, u lbiesek kien għażel, ħarir, u brukkat. Smid, u għasel, u żejt kont tiekol. Kont sirt sabiħa fuq li sabiħa, u kien jixraqlek tkun sultana. Beda jissemma ġmielek fost il-ġnus: għax xejn ma kien jonqsu t-tiżjin li jien qegħedt fuqek, oraklu ta’ Sidi l-Mulej.

Imma int tlift rasek bi ġmielek, u ntlaqt għaż-żína, u sawwabt iż-żína tiegħek fuq min ġie ġie. Imma jien niftakar fil-patt li għamilt miegħek fi żmien żgħożitek u nġedded il-patt tiegħi miegħek għalldejjem ħa tagħraf li jiena l-Mulej, biex tiftakar u timtela bil-mistħija, u ma jkollokx aktar ħila tiftaħ ħalqek minħabba l-għajb tiegħek, meta nkun ħfirtlek dak kollu li għamilt, oraklu ta’ Sidi l-Mulej”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

jew

Qari I

Jien niftakar fil-patt li għamilt miegħek, u int tistħi.

Eżek 16, 59-63

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Hekk jgħid Sidi l-Mulej: “Jien nagħmillek dak li għamilt int meta kasbart il-ħalfa u ksirt il-patt! Imma jien niftakar fil-patt li għamilt miegħek fi żmien żgħożitek u nġedded il-patt tiegħi miegħek għal dejjem. Int imbagħad tiftakar fl-imġiba tiegħek u tistħi meta tilqa’ għandek lil ħutek il-bniet, sew ikbar u sew iżgħar minnek, li jien għad nagħtihomlok bħala wliedek, għalkemm mhux bis-saħħa tal-patt.

U nġedded il-patt tiegħi miegħek, ħa tagħraf li jiena l-Mulej, biex tiftakar u timtela bil-mistħija, u ma jkollokx aktar ħila tiftaħ ħalqek minħabba l-għajb tiegħek, meta nkun ħfirtlek dak kollu li għamilt”. Oraklu ta’ Sidi l-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Iż 12, 2-3.4bċd.5-6

R/. (1ċ): Il-korla tiegħek reġgħet lura Mulej, u farraġtni

Ara, Alla s-salvazzjoni tiegħi,

jiena nittama u ma jkollix mniex nibża’.

Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,

għalija sar is-salvazzjoni. R/.

Kollkom ferħana timlew l-ilma

mill-għejun tas-salvazzjoni.

Roddu ħajr lill-Mulej, sejħu ismu,

għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu,

xandru li ismu huwa fl-għoli. R/.

Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;

ħa jkun dan magħruf mal-art kollha.

Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f’Sijon,

għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 1 Tess 2, 13

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma ta’ Alla lqajtuha mhux bħala kelma ta’ bniedem,

iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Kien minħabba l-ebusija ta’ qalbkom li Mosè takom il-permess tibagħtu n-nisa tagħkom. Iżda ma kienx hekk mill-bidu.

Mt 19, 3-12

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, resqu fuq Ġesù xi Fariżej biex iġarrbuh, u qalulu: “Jista’ wieħed jitlaq lil martu fuq xi ħaġa, tkun xi tkun?”. Iżda hu qalilhom: “Ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara, u qal: “Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed”? Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”.

Qalulu: “Mela allura għaliex ordna Mosè li żewġha jagħtiha l-kitba tad-divorzju u jibgħatha?”. Qalilhom: “Kien minħabba l-ebusija ta’ qalbkom li Mosè takom il-permess tibagħtu n-nisa tagħkom. Iżda ma kienx hekk mill-bidu. U ngħidilkom, li min jibgħat lil martu – barra l-każ ta’ żwieġ ħażin – u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju”.

Qalulu d-dixxipli: “Mela ladarba din hi l-kondizzjoni tar-raġel mal-mara, ma jaqbilx li wieħed jiżżewweġ”. Iżda hu qalilhom: “Mhux kulħadd jifhimha din il-ħaġa, imma dawk li lilhom jingħata li jifhmuha. Hemm ewnuki li jitwieldu hekk minn ġuf ommhom, oħrajn jagħmluhom hekk in-nies, u hemm oħrajn li jsiru hekk minn rajhom minħabba s-Saltna tas-Smewwiet. Min jista’ jifhem, jifhem”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu