Il-Wieħed u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – It-Tlieta
Qari I
Żommu ruħkom wieqfa u sħaħ fit-tradizzjonijiet li intom tgħallimtu.
2 Tess 2, 1-3a.13-17
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin
Ħuti, għal dak li għandu x’jaqsam mal-miġja ta’ Sidna Ġesù Kristu u l-ġemgħa tagħna biex ningħaqdu miegħu, nitolbukom biex ma toqogħdux tħawdu raskom malajr u tinħasdu bħallikieku l-miġja ta’ jum il-Mulej qorbot, u la jekk tkunu mnebbħin mill-ispirtu u lanqas jekk tisimgħu xi kelma jew taqraw xi ittra taparsi mingħandna. Tħallux ’il min iqarraq bikom, b’ebda mod! Aħna għandna niżżu ħajr dejjem ’l Alla minħabba fikom, ħuti maħbubin mill-Mulej, għaliex Alla għażilkom biex tkunu l-ewwel frott tal-fidwa bil-qdusija tal-Ispirtu s-Santu u l-fidi fil-verità. Għal dan Alla sejħilkom permezz tal-Evanġelju tagħna, biex ikollkom sehem fil-glorja ta’ Ġesù Kristu. Mela, ħuti, żommu ruħkom wieqfa u sħaħ fit-tradizzjonijiet li intom tgħallimtu sew bil-kelma sew bl-ittra tagħna. Sidna Ġesù Kristu stess u Alla Missierna, li ħabbna u tana l-kuraġġ ta’ dejjem u t-tama sħiħa bil-grazzja, jqawwilkom qalbkom u jsaħħaħkom f’kull għemil u kelma tajba.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 138 (139), 1-3.4-6
R/. (1): Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni
Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;
int taf meta noqgħod u meta nqum,
int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.
Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;
triqati kollha inti tafhom sewwa. R/.
Inkun għadni anqas lissint il-kelma,
meta int, Mulej, tkun ġa tafha kollha.
Dawramejt inti tħaddanni,
u tqegħedli idek fuqi.
L-għerf tiegħek tal-għaġeb,
ma nwassalx għalih; għoli wisq,
u ma nlaħħaqx miegħu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lhud 4, 12
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija,
tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Dawn kien imisskom tagħmlu, bla ma tħallu l-oħrajn barra.
Mt 23, 23-26
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù waqt li kien qed jitkellem qal: “Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tħallsu d-dieċmi fuq in-nagħniegħ u l-busbies u l-kemmun, u mbagħad tagħlqu għajnejkom għal dak li hu l-aqwa fil-Liġi, jiġifieri, il-ġustizzja u l-ħniena u s-sinċerità! Dawn kien imisskom tagħmlu, bla ma tħallu l-oħrajn barra, ja mexxejja għomja, li ma tħallux nemusa tgħaddi mill-passatur, biex imbagħad tibilgħu ġemel! Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, waqt li minn ġewwa jkunu mimlija bi frott is-serq u r-regħba! Fariżew agħma, it-tazza l-ewwel naddafha minn ġewwa, biex imbagħad tkun nadifa minn barra wkoll!”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu