Il-Wieħed u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Il-Ħamis
Qari I
Fi Kristu intom stagħnejtu f’kollox.
1 Kor 1, 1-9
Bidu tal-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Pawlu, li Alla ried isejjaħlu biex ikun appostlu ta’ Kristu Ġesù, u Sòsteni ħuna, lill-knisja ta’ Alla li qiegħda f’Korintu; lil dawk li tqaddsu fi Kristu Ġesù, imsejħa biex ikunu qaddisin flimkien ma’ dawk kollha li f’kull pajjiż isejħu l-isem ta’ Ġesù Kristu, is-Sid tagħhom u tagħna: grazzja u sliem mingħand Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu!
Jiena niżżi ħajr dejjem lil Alla tiegħi minħabba fikom għall-grazzja li Alla takom, lilkom fi Kristu Ġesù; fih intom stagħnejtu f’kollox, f’kull kelma, f’kull għerf daqs kemm ix-xhieda ta’ Kristu kienet imwettqa fikom. Għalhekk m’intom nieqsa minn ebda don, intom u tistennew id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu. Huwa hu li jwettaqkom sal-aħħar biex tkunu bla ħtija fil-jum ta’ Sidna Ġesù Kristu. Alla jżomm kelmtu, minnu kontu msejħin biex tidħlu fix-xirka ta’ Ibnu Sidna Ġesù Kristu!
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 89 (90), 3-4.12-13.14 u 17
R/. (ara 1b): Inbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem, Mulej
Kuljum irrid inbierkek,
u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru bil-bosta,
bla tarf il-kobor tiegħu. R/.
Nisel lil nisel isebbaħ għemilek,
u s-setgħa tiegħek ixandru.
Il-ġmiel u l-kobor tas-sebħ tiegħek iħabbru,
u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu. R/.
Il-qawwa tal-għemejjel tiegħek tal-biża’ jxandru;
u jien fuq l-għemejjel kbar tiegħek nitħaddet.
It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru,
jgħajtu bil-ferħ minħabba l-ġustizzja tiegħek. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 24, 42a.44
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ishru u kunu lesti,
għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa
li fiha jiġi Bin il-bniedem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Kunu lesti.
Mt 24, 42-51
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem. Intom min tgħidu li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq niesu biex jagħtihom jieklu fil-ħin? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jaqdi dmiru. Tassew, ngħidilkom, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.
Iżda jekk dak il-qaddej ħażin jibda jgħid f’qalbu: “Sidi jiddawwar ma jiġi”, u jaqbad isawwat lil sħabu l-oħra, u jiekol u jixrob mas-sakranazzi, sid dak il-qaddej jasal f’jum li hu ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih il-kastig li ħaqqhom in-nies ta’ wiċċ b’ieħor: hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu