Papa Franġisku: Oqbra tal-mejtin tal-gwerra jibku messaġġ ta’ paċi

Print Friendly, PDF & Email

F’omelija mhux miktuba waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fil-festa tal-Erwieħ Kollha, li l-Papa Franġisku kien qed jiċċelebra fiċ-Ċimiterju Militari Franċiż, f’Ruma; l-Papa Franġisku fakkar fi skrizzjoni fuq il-bieb ta’ ċimiterju żgħir li kienet tgħid: “Int li tkun miexi, aħseb fil-passi tiegħek, u fil-passi tiegħek aħseb dwar l-aħħar pass”. “Il-ħajja hija vjaġġ” li aħna lkoll għaddejjin.

F’dan il-vjaġġ, innota, “li ngħaddu minn ħafna ġrajjiet storiċi, ħafna sitwazzjonijiet diffiċli”. “Ilkoll se jkollna l-aħħar pass,” qal il-Papa, “l-importanti hu li l-aħħar pass isibna fi triqitna, mhux nimxu madwar, imma fit-triq tal-ħajja u mhux f’labirint bla tarf”, jiġifieri f’nisġa ta’ toroq u mogħdijiet kollha ġo xulxin li diffiċli ssib tarf toħroġ ‘il barra minnhom.

Imbagħad il-Papa dawwar l-attenzjoni tiegħu fuq l-oqbra fiċ-ċimiterju li huma l-aħħar post ta’ mistrieħ ta’ dawk li tilfu ħajjithom fil-gwerra. “Dawn in-nies – nies tajbin – mietu fil-gwerra, mietu għax ġew mitluba jiddefendu lil pajjiżhom, jiddefendu l-valuri, jiddefendu l-ideali u ħafna drabi oħra, jiddefendu sitwazzjonijiet politiċi koroh u lamentabbli,” qal il-Qdusija Tiegħu.

Matul iż-żjara tiegħu f’dan iċ-ċimiterju, l-Papa Franġisku qal lil dawk preżenti li hu waqaf fuq qabar li ma kellux isem iżda kien jaqra “Miet għal Franza, 1944”. Dan il-qabar, qal il-Papa, seta’ ma kellux isem, li hija traġedja ta’ gwerra, imma “f’qalb Alla hemm isem tagħna lkoll”.

“Ninsab ċert li dawk kollha li marru b’rieda tajba, imsejħin mill-Patrija biex jiddefenduha, huma mal-Mulej,” ikkummenta l-Papa. “Imma aħna, li qegħdin fit-triq, niġġieldu biżżejjed biex ma jkunx hemm gwerer? Sabiex l-ekonomiji tal-pajjiżi ma jiġux imsaħħa mill-industrija tal-armi?”

Bħala konklużjoni, l-Papa Franġisku qal li l-omelija tiegħu għandu jkollha t-titlu “ħarsu lejn l-oqbra”. Dawn l-oqbra tal-waqa’, li ħafna minnhom m’għandhomx ismijiet, huma messaġġi ta’ paċi, enfasizza l-Papa. Huwa saħaq li huma qed jgħidulna: “Ieqfu, ħuti, ieqfu immanifatturaw l-armi”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-11/pope-francis-graves-of-war-dead-cry-a-message-of-peace.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: