Qari tat-Tnejn tal-Wieħed u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Il-Wieħed u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – It-Tnejn

Qari I

Kunu fehma waħda u imlewni bil-ferħ.

Fil 2, 1-4

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti, 1jekk hemm fikom xi faraġ fi Kristu; jekk hemm xi kelma ta’ ħlewwa fl-imħabba; jekk hemm xi xirka fl-Ispirtu; jekk hemm xi ħniena u mogħdrija; kunu fehma waħda u imlewni bil-ferħ! Ħa jkollkom l-istess imħabba, u ruħ waħda u ħsieb wieħed. Tagħmlu xejn b’pika ta’ partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu. Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 130 (131), 1.2.3

R/. Mulej, ħarisli ruħi fis-sliem

Mulej, ma tkabbritx qalbi,

anqas ma ntrefgħu għajnejja;

jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar,

jew wara ħwejjeġ ogħla minni. R/.

Imma żammejt ruħi fis-skiet u l-mistrieħ,

bħal tarbija f’ħoġor ommha;

bħal tarbija miftuma, hekk hi ruħi ġewwa fija. R/.

Ittama, Iżrael, fil-Mulej,

minn issa u għal dejjem! R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 8, 31b-32

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi,

tkunu tassew dixxipli tiegħi, jgħid il-Mulej,

u tagħrfu l-verità.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja.

Lq 14, 12-14

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-kap tal-fariżej li kien stiednu: “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: