Il-fidi trid tkun l-għażla tiegħek magħmula b’intelliġenza

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 4 ta’ Novembru 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Quddiesa tal-75 anniversarju tal-Iskola St Michael. L-Iskola St Michael, Santa Venera.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Surmast, staff ta’ din l-iskola għażiża, studenti, mistednin, saċerdoti, jiena m’għandix ħafna xi nżid ma’ l-ewwel att ta’ dan id-dramm sabiħ imma nixtieq nirriflettu ftit fuq tagħlima importanti li jagħtuna s-Sur Tonin jew is-Sur Agius u sħabu: li l-ħajja tkun sabiħa jekk tagħmel minnha għanja ta’ ġid skont kif isejjaħlek Alla.

Staqsi lilek innifsek, inti li inti żgħażugħ: jien kif nista’ f’ħajti minn issa nagħmel il-ġid? Billi nitgħallem, billi nistudja, nagħmel id-dover tiegħi imma billi ma’ sħabi nuri sentimenti ta’ ħbiberija vera, ta’ rġulija, ta’ onestà, u ta’ rispett.

Il-ħajja tkun sabiħa jekk tagħmel minnha għanja ta’ ġid skont kif isejjaħlek Alla

Il-ġid taħsibx li se tagħmlu għada, ibda llum. Jekk tiġi filgħodu l-iskola u tinduna li xi ħadd minn sħabek qalbu sewda, diżappuntat, waħdu; ipprova kun inti dik l-ispalla li l-ħabib ikollu bżonn biex ikompli l-ġurnata. U meta jkollok bżonn l-għajnuna tiddejjaqx titlobha bħalma għamel ukoll is-Sur Tonin. Imma ħa parir, talab il-barka ta’ Dun Ġorġ u mexa ma’ sħabu, tkellem u ftiehmu li jkunu grupp għax il-Mulej sejħilna biex naħdmu imma naħdmu flimkien.

Intom tafu kemm San Ġorġ Preca kien devot ħafna ta’ San Mikiel. U din l-iskola hi ddedikata lil San Mikiel għax is-Sur Tonin u sħabu fehmu kemm kien għal qalb Dun Ġorġ dan it-titlu, din id-dedikazzjoni, dan l-isem sabiħ. U intom tafu wkoll li Mikael tfisser ‘min hu bħal Alla?’ Meta nikbru kultant ngħidu: imma Alla jeżisti wara kollox? Imma dawn mhux kollha ħrejjef?

Ara xi ħadd ma jaqta’ qalbu mill-fatt li tiġih il-mistoqija: imma Alla li jiena ma narahx, jeżisti?

Tibżax minn dawn il-mistoqsijiet li jiġuk. Tkellem dwarhom. Isma’ minn min għadda mill-istess triq ta’ dubju, ta’ diffikultajiet għax dak hu frott l-intelliġenza li qed tikber. Għax il-fidi li tawk il-ġenituri, li inti tagħraf l-għalliema, ma tistax tkun second-handTrid tkun għażla tiegħek u trid tkun għażla intelliġenti u l-intelliġenza ma tikbirx mingħajr mistoqsija, ma tikbirx mingħajr id-dubju.

Ara xi ħadd ma jaqta’ qalbu mill-fatt li tiġih il-mistoqija: imma Alla li jiena ma narahx, jeżisti? Anke San Mikiel. Dawn għażlu qaddis, spirtu. Mank għażlu ’l xi ħadd li kien tad-demm u l-laħam bħalna. Tiġik il-mistoqsija. Għax Alla, li ħalaq dak li jidher u dak li ma jidhirx, ħalaq ukoll l-ispirti qaddisa. Uħud minnhom issupervjaw u Satana u sħabu jagħmlu gwerra kontra Alla sa tmiem id-dinja. Imma inti, bniedem, taqtax qalbek għall-mistoqsija. Agħmel kuraġġ, tkellem, staqsi b’umiltà imma b’intelliġenza.

U nagħlaq b’xi ħaġa li hawnhekk kull ġebla tafha din il-kelma li se ngħid għax Dun Ġorġ kien iħobb jirrepetiha ħafna bħalma kien iħobb jirrepetiha is-Sur Tonin u sħabu: it-tagħlim hu l-għajn ta’ kull ġid. Qieħed hawn biex titgħallem, agħmel id-dover tiegħek, il-ħin taħlihx. Imma kun ukoll ħabib tal-qalb ma’ sħabek.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Apok 12:7-12a
Salm: 137: 1-5
Evanġelju: Ġw 1:47-51

Aktar omeliji mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Laikos …

Leave a Reply