Qari tal-Ġimgħa tat-Tieni Ġimgħa tal-Avvent

Print Friendly, PDF & Email

It-Tieni Ġimgħa tal-Avvent – Il-Ġimgħa

Qari I

Li kieku tajt widen għall-kmandamenti tiegħi!

Iż 48, 17-19

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Dan jgħid il-Mulej, il-feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ Iżrael:

“Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek;

jien ngħallmek għall-ġid tiegħek,

u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi.

Li kieku tajt widen għall-kmandamenti tiegħi,

kien ikun bħal xmara sliemek,

u sedqek bħal mewġ tal-baħar;

in-nisel tiegħek bħar-ramel,

l-għelejjel ta’ ġewwenik bħat-trab,

u ismek la jitħassar u la jinqered minn quddiemi”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 1, 1-2.3.4 u 6

R/. (ara Ġw 8, 12): Min jimxi warajk, Mulej, ikollu d-dawl tal-ħajja

Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,

li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,

li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;

imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,

lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. R/.

Hu bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma

li tagħmel il-frott fi żmienha,

u l-weraq tagħha ma jidbielx;

hu jirnexxi f’kulma jagħmel. R/.

Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;

iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.

Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;

imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Mulej ġej, ejjew nilqugħ:

hu l-prinċep tas-sliem.

R/. Hallelujah

Evanġelju

La minn Ġwanni u lanqas minn Bin il-bniedem ma jridu jisimgħu.

Mt 11, 16-19

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-folla: “Imma ma’ min se nxebbhu dan in-nisel? Inxebbhu lil qabda tfal bilqiegħda fil-pjazez jgħajtu lil sħabhom u jgħidu: “Daqqejnielkom il-flawt, u ma żfintux, għannejnielkom in-niket, u ma bkejtux!”. Għax tassew, ġie Ġwanni, la jiekol u lanqas jixrob, u qegħdin jgħidu: “Għandu fih xitan”. Ġie Bin il-bniedem, jiekol u jixrob, u qegħdin jgħidu: “Araw, xi bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin”. Imma l-għerf ta’ Alla tawh raġun l-opri tiegħu stess”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: