Qari tas-Sibt tat-Tieni Ġimgħa tal-Avvent

Print Friendly, PDF & Email

It-Tieni Ġimgħa tal-Avvent – Is-Sibt

Qari I

Elija jerġa’ jiġi.

Sir 48, 1-4.9-11

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

F’dak iż-żmien, qam qisu nar Elija, il-profeta,

u kelmtu kienet taqbad bħal ħuġġieġa.

Hu ġieb fuqhom il-ġuħ,

u fil-ħeġġa tiegħu ċekkinhom fl-għadd.

B’kelmet il-Mulej għalaq is-smewwiet,

u tliet darbiet niżżel ukoll in-nar.

Kemm kont imsebbaħ, Elija, f’għeġubijietek!

U min jista’ jiftaħar daqsek?

Kont meħud f’riefnu tan-nar

f’karru bi żwiemel tan-nar.

Int, li kien miktub għalik, li kellek iċċanfar għal żmien,

biex tberred għadab Alla qabel ma jħeġġeġ,

biex iddawwar qalb il-missier lejn ibnu,

u biex terġa’ tqajjem tribujiet Ġakobb.

Imberkin dawk li jarawk u dawk li raqdu fl-imħabba;

għax żgur li aħna wkoll ikollna l-ħajja.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 79 (80), 2aċ u 3b. 15-16. 18-19

R/. (4): Reġġagħna għal li konna, Alla tal-eżerċti

O Ragħaj ta’ Iżrael, agħti widen.

Int li qiegħed fuq il-kerubini,

qajjem il-qawwa tiegħek,

u ejja ħa ssalvana. R/.

Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti;

ħares mis-sema, u ara,

u żur ’il din id-dielja.

Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek,

ir-rimja li int kabbart għalik. R/.

Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta’ lemintek,

fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.

Aħna ma nitbegħdux minnek;

roddilna l-ħajja, u aħna nsejħu ismek. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 3, 4.6

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ħejju t-triq tal-Mulej,

iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu!

Il-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Elija ġa ġie, u huma baqgħu ma għarfuhx.

Mt 17, 10-13

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien nieżel minn fuq il-muntanja, id-dixxipli staqsewh: “Mela kif jgħidu l-kittieba li l-ewwel għandu jiġi Elija?”. Hu weġibhom: “Elija jiġi, iva, u jerġa’ jqiegħed kollox f’postu. Imma ngħidilkom: Elija ġa ġie, u huma baqgħu ma għarfuhx, imma ġiebu ruħhom miegħu kif għoġobhom. Hekk ukoll Bin il-bniedem għandu jsofri minnhom”. Imbagħad id-dixxipli fehmu li hu kien qiegħed jgħidilhom għal Ġwanni l-Battista.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: