L-Ewwel logħba tal-futball trasmessa mill-Vatikan

Print Friendly, PDF & Email

It-tim ‘tal-Papa’ bl-isem ta’ Fratelli Tutti u t-tim tal-Organizzazzjoni Mondjali tar-Rom iltaqgħu f’logħba ta’ ħbiberija li, għall-ewwel darba ġiet trasmessa mill-Vatikan, waranofsinhar nhar il-Ħadd 21 ta’ Novembru. Il-logħba saret fil-grounds tal-Lazio. Kienet partita li ġabet mumenti ta’ ferħ f’atmosfera ta’ rispett għad-diversità u ta’ messaġġ kontra l-faqar, id-diżugwaljanza u l-preġudizzji. Il-komunitajiet Rom ibatu ħafna minn trattament li ma jixraqx.

Kienet logħba ta’ nofs siegħa kull taqsima, spiċċat 7 b’7, bit-tim tal-Fratelli Tutti 5 b’1 minn taħt fl-ewwel taqsima. It-tim tal-Fratelli Tutti kien magħmul minn gwardji Zvizzeri, saċerdoti, ħaddiema tal-Vatikan, żagħżugħ atleta tal-Olimpjadi Speċjali u żewġ migranti li kienu ġew milqugħa mill-komunita ta’ Sant’Eġidio. Ir-referee kien il-captain tal-Lazio, Ciro Immobile.

Din il-partita ġġib quddiemna r-regoli tal-“Fratelli Tutti” li semma l-Papa fil-laqgħa li kellu nhar is-Sibt maż-żewġ timijiet: l-ogħti tagħna nfusna lill-oħrajn, l-imħabba, l-inklużjoni u l-valuri l-oħra li l-futbol jeħtieġ li jkollu.

Forsi xi drabi dawn mhumiex hemm, imma partiti bħal dawn, hekk umli u fraterni jistgħu jkunu wkoll mudell żgħir u ta’ eżempju. Huma sinjal importanti anke għat-tfal li qed jikbru fid-dinja tal-futbol, għax jistgħu jaraw li tista’ tilgħab mingħajr ma timbotta, mingħajr ma tgħid kliem mhux xieraq, li tkun flimkien m’oħrajn għalkemm minn naħat differenti tad-dinja, migranti u żgħażagħ bid-down syndrome.Il-partita kienet esperjenza sabiħa u approvata mill-Papa.

Minn Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: