Ħmara tirrakkonta l-istorja tat-twelid ta’ Ġesù

Print Friendly, PDF & Email

Ktieb għat-tfal imma żgur li se joġgħob ukoll lill-kbar

Sbejħa, ħmara żgħira b’qalb kbira hu l-isem ta’ ktieb ġdid ta’ Michael Cini li jirrakkonta l-istorja tat-twelid ta’ Ġesù Bambin kif tafha wkoll din il-ħmara. Hu l-ewwel ktieb li l-awtur kiteb għat-tfal imma jien persważ li l-istorja kif irrakkuntata toġgħob ukoll lill-kbar partikolarment lil dawk li jħobbu l-Milied. Michael Cini jikteb li meta kien tifel taħt it-taraġ tad-dar t’ommu ħuh kien jarma presepju kbir li kull Milied kien jara kif iżewqu b’pasturi u ideat ġodda. Jikteb li wara li jgħaddi l-Milied u jibda jgeżwer il-pasturi fil-karti kien jagħmel qalbu sewda. Kien iħossu li qed iwarrab il-Bambin u għalhekk, biex la Ġesù u lanqas hu ma jagħmlu qalb sewda, lill-Bambin beda jerfgħu fil-kexxun tal-komodina ħdejn is-sodda minflok fil-kesħa tal-kmajra tal-bejt. U, kull filgħaxija, waqt li jgħid it-talba kien joħorġu ħdejn l-iżverjalin.

L-awtur illum m’għadux tifel iżda jekk tgħaddi sal-uffiċċju tiegħu ssiblu Bambin żgħir f’maxtura fuq wiċċ il-kabord tal-files. Meta fil-waqfa ta’ nofsinhar ma jkunx temp tajjeb għal passiġġata żgħira jieħu gost jitfi t-tubi tal-uffiċċju biex joqgħod ikellmu fid-dawl iteptep matul is-sena kollha. X’fettillu allura jikteb, minn tant annimali u pasturi, dwar il-ħmara?

Michael Cini jwieġeb li lill-ħmara kulħadd jinsieha. Kulħadd iħares u jfittex lil Ġesù, lil Marija, lil Ġużeppi u lis-slaten maġi. Ftit huma dawk li jinteressahom kemm batiet dik il-ħmara biex wasslet lil Marija fuq daharha sa Betlem u aktar tard biex ħelsithom mill-qilla ta’ Erodi. Kien proprju għalhekk li l-awtur iddeċieda li jikteb il-ġrajja mżewqa li għaddiet minnha l-ħmara fl-istorja mlewna tal-Milied. B’hekk kulħadd ikun jaf li anki daqsxejn ta’ ħmara umli kienet kapaċi tagħti s-sehem tagħha biex tbiddel l-istorja tad-dinja.

Kulma għamlet din il-ħmara sempliċi, jgħid Michael Cini, kien biex hu u int illum, aktar minn elfejn sena wara, għadna nistgħu nfakkru t-twelid ta’ Ġesù Bambin.

Hu jgħid ukoll li hu u jaħseb dwar xiex se jikteb għażel ġrajja li t-tfal kollha jħobbu jaqraw u, biex tkun iżjed interessanti, iddeċieda li ma jirrakkuntahiex hu imma tirrakkunta l-ħmara stess.

F’dan il-ktieb, minbarra l-istorja tal-ħmara “Sbejħa”, Michael Cini jinkludi strofi bil-mużika tagħhom ta’ għanjiet tal-Milied.

Din hi l-ewwel storja ta’ Michael Cini kiteb għat-tfal għax is-soltu jikteb rumanzi għall-kbar. Hu għalhekk jistieden lit-tfal biex jekk l-istorja toġgħobhom jgħidlu ħalli fil-każ jitħajjar jerġa’ jikteb xi rakkont ieħor. Jien m’iniex tifel, għadni għalaqt 71 sena, u dan il-ktieb qrajtu mill-bidu sal-aħħar. Miktub b’Malti tajjeb u mexxej u persważ li se joġgħob ukoll lill-kbar.   

U biex il-ħmara ġġiegħel lilek ukoll taqra l-istorja tagħha tirrakkonta li int żgur li se tieħu gost tisma’ kif, mingħand bidwi kattiv, spiċċat għand sid ġdid li kien jieħu ħsieba u jkellima bil-ħlewwa. “Anki l-għarusa tiegħu kienet tiġi maġenbi biex toqgħod tfissidni u ġġibli xi bettieħa friska jew xi tuffieħa tfuħ u tgħarraxli ħelu, ħelu bejn widnejja.

“Dan minbarra l-avventuri eċċitanti u, xi drabi anki perikolużi, li għaddejt magħhom, mat-tarbija l-ġdida li kellhom f’nofs ta’ lejl xitwi u anki mal-ħmar l-imqarqaċ li veru kont inħobb u li lili tant kien jarani sbejħa”, iżżid tirrakonta l-ħmara.

Il-ktieb Sbejħa, ħmara żgħira b’qalb kbira, pubblikazzjoni ta’ Merlin Publishers Limited, għandu illustrazzjonijiet ta’ Josè Luis Ocana, issettjar ta’ Pierre Portelli u ġie stampat il-Gunenberg Press. Dan il-ktieb qed jinbiegħ mill-ħwienet kollha tal-kotba kif ukoll online minn merlinpublishers.com għall-prezz ta’ €6.95.  

Riċensjoni minn Michael Caruana

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: