Ktieb dwar l-istorja tal-presepju Malti

Print Friendly, PDF & Email

Il-ktieb inkiteb minn wieħed mill-akbar dilettanti u esperti tal-presepju lokali

Ħadd ma jaf il-jum eżatt meta twieled Ġesù imma kont taf għaliex intgħażel il-25 ta’ Diċembru?

Kont taf li fl-ewwel żewġ sekli wara Kristu l-Milied ma kienx jiġi ċċelebrat?

Kont taf li fl-1647 il-Parlament Ingliż għadda liġi u ddikjara l-Milied illegali minħabba li l-oriġini tiegħu kienu pagani u ġew ipprojbiti l-attivitajiet kollha marbutin mal-Milied?

Kont taf li fil-Knisja tal-Lvant jemmnu li l-Maġi kienu tnax? Kemm kienu filfatt? U veru li kienu rejiet?

It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet u għal ħafna oħrajn li jista’ jkollok issibhom fil-ktieb The Story of the Christmas Crib in Malta ppubblikat mid-Dar tal-Pubblikazzjonijiet Horizons. Il-ktieb inkiteb minn Joseph Muscat, membru tal-MUSEUM u wieħed mill-akbar dilettanti u esperti tal-presepju Malti.

It-traduzzjoni għall-Ingliż saret minn Louis J. Scerri.

Il-ktieb fih kwantità kbira ta’ ritratti bil-kulur ta’ presepji u pasturi, kemm Maltin kif ukoll barranin. Muscat jagħti dettalji dwar l-għeruq u l-iżvilupp tal-presepju Malti, li fil-fatt jinstabu fil-presepji Rumani, Naplitani u Sqallin. Il-ktieb jagħti dettalji wkoll dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-presepju Ruman, bit-toroq dojoq u s-sqaqien li għadek issib fiż-żona ta’ Trastevere, flimkien ma’ funtani, faċċati Barokki, torrijiet Gotiċi u kwantitajiet ta’ anġli.

Min-naħa l-oħra, il-presepju Naplitan għandu karatteristiċi oħra, speċjalment ir-rovini ta’ bini klassiku kif ukoll xi dverna, b’diversi ikel, annimali u tjur. Is-servi li jakkumpanjaw lill-maġi jitlibbsu ħwejjeġ eżotiċi u kkuluriti. Naturalment, issib ukoll il-cascata, jiġifieri grupp ta’ anġli neżlin mis-sema għal fuq il-Bambin fil-maxtura. Fl-isfond għandek imnejn tara xi xena minn Amalfi jew Sorrento u mhux mill-Palestina. Għall-ewwel il-presepju Naplitan jista’ jagħtik l-impressjoni ta’ kaos, anki minħabba l-kwantità kbira ta’ pasturi, b’diversi gruppi ta’ pasturi jitħalltu ma’ xulxin, diversi tipi ta’ annimali, frott u ħxejjex u lbies minn diversi reġjuni Taljani.

Imma l-akbar influwenza fuq il-presepju Malti kien ċertament dak Sqalli. L-influwenza ta’ Sqallija fuq Malta minħabba l-viċinanza hi kbira, inkluża l-lingwa, iċ-ċerimonji reliġjużi u d-drawwiet u għalhekk mhux ħaġa kbira li din l-influwenza nfirxet ukoll fil-presepju. Il-presepju Sqalli fih dettalji li jinstabu fil-Vanġeli għax juri x-xena tan-natività, ambjent pastorali, xi drabi wkoll iċ-ċirkonċiżjoni ta’ Ġesù, il-maġi, ir-rgħajja, il-massakru tal-innoċenti u l-ħarba lejn l-Eġittu.

Dettall partikolari fil-presepju Sqalli hu l-Missier Etern fuq il-grotta, ir-raġġi ħerġin minn wara l-maxtura bil-Bambin kif ukoll il-ħamiema bħala simbolu tal-Ispirtu s-Santu. Il-pasturi Sqallin jinkludu pasturi bħall-mara anzjana, il-kaċċatur, il-ħassiela, tal-ħaxix, id-daqqaq, l-għassies, il-furnar, is-sajjied, l-għannej u r-rieqed. L-ilbies tal-pasturi fil-presepji Sqallin jitlibbsu ħwejjeġ fqar.

Il-ktieb jinkludi ritratti ta’ diversi presepji li jinstabu Malta imma li ġew magħmulin Sqallija.

The Story of the Christmas Crib in Malta  hu biċċa xogħol magħmula bl-imħabba: l-imħabba li s-Sur Muscat għandu għall-presepju, speċjalment dak Malti; l-imħabba għall-MUSEUM; imma wkoll l-imħabba għal Ġesù li tiegħu hi l-festa. Il-ktieb fih deskrizzjoni ta’ 73 presepju ta’ ċertu preġju li jinsabu Malta inkluż dak tal-Monasteru Benedittin fl-Imdina u l-presepju fid-dar ta’ Dun Ġorġ Preca. Imma l-veru oriġini tal-presepju kien dakinhar meta r-rgħajja marru jgħaġġlu “u sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija fuq maxtura”. F’dawk l-għaxar kelmiet jinsab il-presepju, anzi l-Milied kollu.

Numru limitat tal-ktieb qed jinbiegħ mingħand il-pubblikaturi Horizons. Ċemplilhom għall-kopja tiegħek fuq 2144 1604.

Riċensjoni minn Michael Caruana

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: