Ġie pubblikat it-test tar-Ritwal li se jiġi fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2022 u li għandu jkun opportunità għall-Knisja Kattolika biex ikollha viżjoni tad-diversi realtajiet fil-ministeru tal-Katekisti.
“Ħu dan is-sinjal tal-fidi tagħna, katedra tal-verità u tal-imħabba ta’ Kristu u ħabbru bil-ħajja, bl-imġieba u bil-kelma tiegħek.” Din se tkun waħda mill-formuli li bihom irġiel u nisa, lajċi ta’ fidi profonda u ta’ maturità umana, se jkunu aċċettati mill-Isqof tad-djoċesi bħala katekisti, waqt ċelebrazzjoni liturġika.
Wara li fl-10 ta’ Mejju li għadda l-Papa Franġisku waqqaf formalment il-ministeru tal-katekisti permezz tal-motu proprju Antiquum ministerium, huwa approva u ppublika dan l-Editt li jintroduċi Rit speċifiku għall-Istituzzjoni tal-Katekisti.
It-test tal-Editt hu bil-Latin u se jkun tradott u addattat mid-diversi Konferenzi Episkopali fid- dinja, li se jkollhom l-impenn li jiċċaraw il-profil u r rwol tal-katekisti, li joffru korsijiet għall-katekisti u jiffurmaw il-komunitajiet diversi biex jilqgħu s-sens tal-ministeru tal-katekisti mingħajr ma jħalltuh ma rwoli oħra.
Dwar l-istruttura tar-Rit, dan għandu jsir waqt il Quddiesa jew f’celebrazzjoni tal-Kelma t’Alla u jsegwi skema preċiża: eżortazzjoni, stedina għat talb, test ta’ benedizzjoni u l-għoti tal-Kurċifiss. Fl-Editt hemm indikati wkoll qari mit-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid.
Kitba ta’ Joe Galea