Il-Milied u l-Paċi

Print Friendly, PDF & Email

Il-Milied huwa festa ta’ paċi. Sidna Ġesù Kristu sar bniedem biex iħabbibna ma’ Alla.

Ħarsa lejn il-presepju

Meta nħarsu lejn il-presepju bil-pasturi fih, inħossu fina ċerta paċi. Fil-għar naraw lil Ġesù Tarbija fil-maxtura bil-Verġni Marija u San Ġużepp maġenbu, flimkien mal-baqra u l-ħmara. Fil-għar ma jonqosx il-presenza ta’ adoratur u ta’ xi ragħaj. Xeni sbieħ li jfakkruna fit-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Iżda din l-arja ta’ paċi dlonk nitilfuha meta nisimgħu l-aħbarijiet tar-radju, tat-television jew tal-internet. Nisimgħu bin-nuqqas ta’ paċi anki fid-dinja, proprju anki f’dawn il-ġranet tant għeżież għalina. U forsi tiġina waħidha l-mistoqsija: X’tip ta’ paċi ġabilna Sidna Ġesù Kristu?

Fl-ewwel Milied, l-anġli ħabbru: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fuq l-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba” (Lq 2,14). Jiġifieri Kristu ġie biex iġibilna l-paċi. Ninnutaw ftit: Il-messaġġ tal-anġli huwa indirizzat lill-bnedmin ta’ rieda tajba.

Hekk il-paċi ma tiġix awtomatikament. Kristu ma ġabx paċi minn barra iżda indirizza l-messaġġ tiegħu lill-qlub tal-bnedmin kollha. Ħabbrilna l-liġi tal-imħabba li tapplika anki għal kull għadu tagħna. U tana wkoll l-eżempju għat-tagħlim tiegħu … għadda mill-passjoni u minn fuq is-salib ħafer lill-għedewwa tiegħu.

Inkunu ħabbara tal-paċi

Issa jmiss lilna li nġibu l-paċi. Ħafna drabi toħroġ spontanja l-mistoqsija: Għaliex il-mexxejja tal-ġnus ma jiftehmux u jġibu l-paċi? Għalhekk filwaqt li nitolbu dejjem għalihom biex iġibu l-paċi, inħarsu lejna nfusna u naraw kemm qegħdin inġibu paċi fl-ambjenti li qegħdin ngħixu fihom.

|gur li ma nistgħux inġibu paċi fejn inkunu jekk ma nkunux f’paċi magħna nfusna. Għalhekk jeħtieġ li nitbiegħdu mid-dnub, naċċettaw il-pjan ta’ Alla għalina, nieħdu paċenzja bina nfusna u naċettaw minn idejn Alla l-limitazzjonijiet tagħna. U mbagħad inkunu nistgħu napprezzaw aktar lilna nfusna bħala kreaturi uniċi u rrepetibbli u b’missjoni differenti minn tal-oħrajn.

Ma’ min niltaqgħu rridu nkunu ħabbara tal-paċi. Ma nitqarrqux. Ma nistgħux inġibu l-paċi b’mod straordinarju iżda bil-mod l-aktar ordinarju; kelma li tweġġa’ ma ngħiduhiex; noqogħdu dejjem attenti milli nidħlu f’xi tilwim mingħajr kawża ġusta; ma ngħiru għall-ħadd lanqas jekk narawhom aħjar minna; naċċettaw id-difetti u l-limitazzjonijiet tal-oħrajn; u naħfru lil dawk li għamlulna xi azzjoni ħażina u nippruvaw niskużawhom.

Dan li semmejt fi ftit kliem jeħtieġ sforz kbir. Huwa faċli ħafna li tgħid iżda mbagħad huwa diffiċli ħafna li twettaq. U jekk nippruvaw mingħajr Ġesù ser infallu żgur. U proprju l-Milied ifakkarna fil-presenza ta’ Ġesù fostna. Tant Ġesù sar qrib tagħna li tnissel fil-ġuf ta’ Marija mill-Ispirtu u Santu u twieled fil-għar ta’ Betlem.

Ġesù huwa magħna

Kristu mhux biss twieled, għex, miet, qam u tela’ s-Sema iżda baqa’ magħna fl-Ewkaristija. Huwa qiegħed fit-tabernaklu lest li jisma’ lil kull min irid imur ikellmu. Għalhekk jekk irridu l-paċi, ejjew nirrikorru ta’ spiss għat-tqarbin u mmorru nżuruh fit-tabernaklu. Jekk forsi dan ma huwiex possibbli, anki ngħidu xi talba qasira meta nkunu għaddejjin minn qrib xi knisja u meta verament ma nistgħux nitqarrbnu, nagħmlu t-tqarbina tax-xewqa.

Mingħajr Ġesù żgur li ma huwiex ser ikollna paċi. Allura jekk nippruvaw inkunu sinjal ta’ paċi mingħajr Ġesù, ser infallu żgur. Iżda b’Ġesù magħna t-triq hija verament possibbli. Niftakru li Alla qatt ma jikkmanda l-impossibbli u meta jrid xi ħaġa minna, jagħtina l-qawwa biex nagħmluha.

Għalhekk matul il-Milied ejjew nibdew inkunu sinjal ta’ paċi. Permezz taċ-ċelebrazzjoni tat-twelid ta’ Kristu, nippruvaw nikbru fl-għajxien tal-ħajja nisranija. Ma ninħlewx iż-żejjed mal-parties, ikliet u divertimenti oħra. Dawn fihom infushom huma tajbin għax iressquna lejn xulxin. Iżda jekk inħallu lil Kristu barra, ma huwiex ser ikun Milied li jħalli fina l-vera paċi li jaf jagħtina biss Ġesù.

Aktar ma nħallu lil  Ġesù jidħol fina aktar ser ikun Milied hieni u ta’ paċi. X’sens hemm li niċċelebraw ħafna festi ferreħija, imbagħad ninsew għaliex qegħdin niċċelebrawhom? Nistgħu naslu f’ċerta assurdità, li nitilfu l-vera paċi u hena li Ġesù biss jista’ jagħtina.

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: