Ktieb dwar drawwiet tal-Milied Maltin

Print Friendly, PDF & Email

Trevor Żahra, minflok hu l-awtur, din id-darba hu l-Editur

Merlin Publishers Ltd li għal snin twal ħadet l-inkarigu li tippubblika kitbiet varji ta’ Trevor Żahra fi ktieb għadha kif ippubblikat ktieb mill-aktar attrajenti fejn dan l-awtur qed jagħmilha ta’    Editur tal-pubblikazzjoni Drawwiet tal-Milied Maltin.

L-Editur jgħid li l-ħsieb li jiġbor dawn id-drawwiet ġieh fil-festi tal-Milied tal-2020. Jikteb li d-drawwiet kollha li llum inqisuhom bħala Maltin tista’ tgħid li kollha impurtajnihom. Ħafna mid-drawwiet f’din il-ġabra għaddew mill-istess proċess tal-presepju li twieled lil hinn minn xtutna u li aħna malajr tajnih iċ-ċittadinanza u sar Malti.

Dan il-proċess għadu jseħħ sal-lum u bis-saħħa tal-midja soċjali l-pajjiżi resqu aktar qrib xulxin u saru jdakkru u jiddakkru b’aktar ħeffa. Id-drawwiet għandhom ħabta jivvjaġġaw b’faċilità kbira u dik li sal-bieraħ kienet drawwa marbuta esklussivament ma’ pajjiż partikolari f’leħħa ta’ berqa tiġri mad-dinja u tinxtorob minn diversi pajjiżi.

Xi drabi, jkompli Trevor Żahra, aħna nħossu weġgħa f’qalbna meta naraw drawwiet imutu u jgħosfru. Imma dan m’għandux għax jiskantana. Meta l-poplu jħoss li ċerti drawwiet m’għadhomx aktar rilevanti għal żmienu jwarrabhom bl-aktar mod naturali. Għalhekk biex drawwa tibqa’ ħajja, jeħtieġ li tinbidel u taġġorna ruħha skont il-ħtiġiet taż-żmien.

Hu jikteb li llum hemm qabża kbira bejn il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, il-festi tal-ibliet u l-irħula u l-Karnival għal dawk ta’ ħamsin sena ilu. “L-istess qed jiġri fid-drawwiet tal-Milied. Hemm uħud li spiċċaw għalkollox waqt li oħrajn ħadu libsa ġdida u għadhom ħajjin”.

Il-ktieb Drawwiet tal-Milied Maltin miġbur minn Trevor Zahra u ppubblikat minn Merlin Publishers Ltd. jinkludi ħdax-il artiklu: erbgħa tal-istess Editur, tlieta ta’ Fiona Vella u wieħed kull wieħed Carmel G.Cauchi, Joseph Vella Bondin, Alexander Vella Gregory u Jackie Mercieca.   

Xorta għax ma nistax nimmaġina lil Trevor Żahra jiġbor u jippubblika artikli ta’ ħaddieħor. Fil-librerija tiegħi d-dar f’Santa Venera għandi mill-inqas sbatax-il ktieb ta’ Trevor Żahra hu awtur. Ma nafx għandix oħra fil-librerija tiegħi fl-appartament ta’ Buġibba. Dawn il-kotba jmorru lura għall-1990 u kollha għandhom bħala pubblikaturi lil Merlin Publishers Ltd. Erba’ minnhom huma t-tieni edizzjoni u ma nafx tal-ewwel edizzjoni min kienu l-pubblikaturi. Mill-kotba kollha li għandi ta’ Trevor Żahra ktieb wieħed, li ħareġ fl-1982, li mhux pubblikazzjoni ta’ Merlin Publishers Ltd.

Kien għalhekk li staqsejt lil Trevor Żahra niktibx tajjeb li dan hu l-ewwel ktieb tiegħu fejn hu mhuwiex l-awtur. “Iva, sew qed tgħid”, kien pront weġibni. “Għalkemm f’dan il-ktieb hemm xi kitbiet tiegħi, il-parti l-kbira ħallejtha f’idejn persuni li għamlu riċerka f’qasam partikolari”. 

Fil-fatt Carmel G. Cauchi jikteb dwar il-purċissjoni tal-MUSEUM ta’ lejlet il-Milied; Jackie Mercieca titkellem dwar l-ikel tradizzjonali tal-Milied; Joseph Vella Bondin dwar il-mużika sagra tal-Milied minn kompożituri Maltin; Alex Vella Gregory jispjega kif irnexxielu jsib u jagħti l-ħajja għanjiet tal-Milied li kienu mitlufa; u Fiona Vella għandha tliet artikli interessanti dwar l-eqdem presepju f’Malta, l-akbar presepju mekkaniku u dwar il-mużew tal-Bambini. Trevor Żahra kiteb dwar il-pantomima f’Malta, qwiel Maltin marbuta mal-Milied u għadd ta’ ‘kurżitajiet’.

“X’ħajrek allura li tiġbor dawn il-kitbiet u żżid magħhom kitba oħra tiegħek u tippubblikahom fi ktieb”, erġajt staqsejtu. Weġibni li kittieba oħra qablu, bħal Ġużè Cassar Pullicino, Ġorġ Mifsud Chircop u Guido Lanfranco kienu diġà ppubblikaw diversi studji marbta ma’ dan is-suġġett.  Iżda dawn kienu mferrxin f’għadd ta’ ġurnali u rivisti. Uħud minnhom kienu wkoll kitbiet ta’ natura akkademika li mhux dejjem tkun aċċessibbli għal kulħadd. 

“Jien xtaqt niġbor dawn kollha (jew kemm stajt minnhom) f’pubblikazzjoni waħda li tkun bi stil li jiftiehem minn kulħadd”.

Trevor Żahra qalli li grazzi għal Merlin Publishers Ltd dan il-ktieb ngħata libsa mill-aktar attraenti. Ġie ppubblikat b’qoxra iebsa u hu mimli ritratti u stampi. “Nittama li nħajjar lill-kbar u liż-żgħar ikollhom konoxxenza akbar tad-drawwiet tagħna marbuta mal-Milied biex jibqgħu jgħożżuhom u jgħadduhom lil ta’ warajhom”.

Il-ktieb Drawwiet il-Milied Maltin qed jinbiegħ mil-librara ewlenin jew online minn merlinpublishers.com

Riċensjoni minn Michael Caruana

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: