450 presepju żgħir minn 19-il pajjiż differenti, b’aktar minn 1,700 pastur, esebiti f’dar privata

Print Friendly, PDF & Email

Il-Milied għadhu għal qalb għal ħafna Maltin u Għawdxin li minn Novembru jibdew jarmaw djarhom bi presepji, Bambini, siġar tal-Milied u dwal. Apparti minn dan l-armar, fid-dar ta’ Michael Caruana minn Santa Venera wieħed isib kollezzjoni ta’ madwar 450 presepju żgħir li bejniethom għandhom ’il fuq minn 1,700 pastur.

Michael Caruana issa ilu jġemma’ dawn il-presepji mill-2001 u, minn dik is-sena sal-2019, kull sena, żar flimkien ma’ martu Joan il-Christmas Markets f’erbatax-il belt differenti f’għaxar pajjiżi Ewropej. Minbarra l-presepji li xtara minn dawn il-Christmas Markets hu għandu presepji oħra li xtara jew ingħata bħala rigal minn tmien pajjiżi oħra l-aktar minn barra l-Ewropa. Din is-sena u s-sena li għaddiet, minħabba l-pandemija tal-Coronavirus, il-koppja Caruana tilfet l-appuntament annwali li tmur f’xi Christmas Market f’xi pajjiż fl-Ewropa. Ix-xewqa tagħhom hi li jmorru l-Christmas Market ta’ Strasbourg: l-eqdem wieħed fl-Ewropa u wieħed mill-isbaħ.

Disinn ta’ presepju mnaqqax fl-irħam. Mixtri mill-bookshop tal-Vatikan

Is-sitwazzjoni preżenti, iżda, għenet lil Michael biex jaħdem jew jarma numru ta’ presepji żgħar hu. Dan wasslu biex kabbar in-numru ta’ presepji lokali. Għenu ħafna f’dan ir-rigward il-membru tal-MUSEUM taż-Żurrieq, Ġużi Sammut, li meta sema’ bil-kollezzjoni ta’ Michael ipprovdielu grotti u pasturi maħduma matul is-snin minn membri tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija bil-karti u l-injam u bit-tafal u x-xemgħa, rispettivament. Din is-sena Ġużi Sammut irregala lil Michael sett pasturi oriġinali tax-xemgħa li issa rama fi grotta u numru ta’ pasturi żgħar tat-tafal maħduma minn Nazzareno Gauci, Ta’ Disma, miż-Żejtun (1927-1995). Il-pasturi żgħar tat-tafal huma nieqsa mill-persunaġġi ewlenin, jiġifieri l-Bambin, il-Madonna u San Ġużepp u wkoll mill-ħmara u l-baqra. Interessanti, iżda, li Nazzareno ma kienx jaħdem fis-settijiet ta’ pasturi tiegħu l-Bambini. Kien jippreferi li wieħed jagħmel użu minn Bambin tax-xemgħa.  

Mudell tradizzjonali ta’ presepju maħdum il-Bolivja

Fil-bini ta’ presepji li ġab minn barra, l-aktar dawk mill-Ġermanja u f’oħrajn lokali Michael sab l-għajnuna tal-mastrudaxxa Tano Barbara mill-Ħamrun.  

Mudell tradizzjonali ta’ presepju maħdum il-Bolivja

Ħafna mill-450 presepju li għandu fil-kollezzjoni s’issa Michael xtrahom mill-postijiet li żar ma’ martu bejn l-2001 u l-2019, jiġifieri mill-Awtrija (Vjenna tliet darbiet), mill-Ġermanja (Frankfurt u Munich), mill-Olanda (Amsterdam), mill-Polonja (Krakovja), mill-Italja (Assisi, Ruma, Napli u mill-belt tal-Vatikan diversi drabi), mill-Ungerija (Budapest), mis-Slovakkja (Bratislava), mis-Slovenja (Ljubljana), mill-Belġju (Brussell) u minn Franza (Lourdes diversi drabi) u li xtar permezz ta’ persuni oħra (fosthom missjunarji Maltin u Għawdxin) jew li ngħata bħala rigal mill-Bolivja, il-Gwatemala, il-Perù, Sqallija, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Art Imqaddsa u l-Messiku. Żdied sew in-numru ta’ presepji li xtara, ingħata rigal jew ħadedm hu stess minn Malta u minn Għawdex.

Xogħol fl-injam maħdum fi Frankfurt, il-Ġermanja, u mqiegħed f’kaxxa tas-sulfarini

Minbarra l-presepji żgħar ta’ Napli, Michael għandu presepji oħra li jiddistingwu ruħhom minn oħrajn fosthom dawk tal-Awstrija magħmula minn zkuk ta’ siġar; minn Sqallija magħmula mill-fuħħar u mil-lava; mill-Art Imqaddsa magħmula mis-siġar taż-żebbuġ u mill-Polonja, l-Ungerija, is-Slovakkja u s-Slovenja li huma magħmula minn qrux ta’ ħxejjex u frott (bħal qoxra ta’ qargħa ħamra), karti, tiben u qasab. Ħafna minn dawn il-presepji juru tradizzjonijiet tal-pajjiżi fejn inħaddmu.

Xogħol bil-fuħħar maħdum fi Sqallija

L-iżgħar presepju u wieħed mill-aktar li jqum hu dak maħdum bl-injam f’qoxra ta’ ġewża (mhux bħal dawk li qed jinbiegħu fi Triq ir-Repubblika l-Belt) filwaqt li l-akbar wieħed hu dak magħmul mill-porċellana. L-aktar presepju antik imur lura għas-snin erbgħin.  

Xogħol fl-injam maħdum bl-idejn mill-iskultur Martin Bezzina Wettinger, Malta u  imqiegħed f’qoxra ta’ ġellewża

Interessanti tmien pasturi żgħar tal-porċellana li Michael xtara minn ħanut tal-antikitajiet fi Vjenna fl-2019. Dawn il-pasturi ma nħaddmux biex jintramaw fi presepju kif għamel Michael iżda biex, skont tradizzjoni antika Awstrijaka, jitħalltu mal-frott tal-pudina tal-Milied u min (meta tinqasam il-pudina fl-ikla tal-Milied) isib il-Bambin jagħmel, is-sena ta’ wara, il-pudina hu jew hi!     

Ritratti: Marin Agius

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: