Rispett, kompassjoni u sensitività

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 7 ta’ Jannar 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Joe Galea Curmi tal-Ġimgħa ta’ wara l-Epifanija. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Fi żmien Ġesù, dawk li kienu morda bil-marda tal-lebbra kienu mhux biss ibatu minħabba l-marda tagħhom, imma wkoll għaliex kienu maqtugħin għalihom fis-soċjetà. Fil-fatt kien hemm liġijiet li jgħidu li jekk xi ħadd ikun marid b’din il-marda għandu jżomm mhux biss distanza kbira – ħafna aktar mid-distanza soċjali li aħna suppost qed inżommu fil-pandemija – imma wkoll li jekk jara lil xi ħadd jersaq fil-qrib, jibda jgħajjat biex min ikun ma jfettillux jiġi fil-qrib u jkun f’riskju li jittieħed.

Għalhekk, meta dan il-bniedem marid bil-lebbra resaq lejn Ġesù u nxteħet b’wiċċu fl-art quddiemu u kellmu, kienet xi ħaġa kbira. Għamilha, għax dal-bniedem kellu fidi kbira f’Ġesù. Għalhekk, jagħmillu dik it-talba sabiħa: “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni”. Kien jaf li meta qed jersaq lejh, mhux se jqiegħed lil Ġesù f’periklu imma, anzi, jekk irid, Ġesù seta’ jfejjaq lilu. Għalhekk resaq lejh b’din il-fidi kbira.

U x’jagħmel Ġesù? Ġesù juża l-istess kliem tiegħu. Jgħidlu: “Irrid, kun imfejjaq”. Imma mbagħad Ġesù jagħmel ħaġa oħra. Jgħid l-Evanġelju “medd idu fuqu, messu”. Issa f’mirakli oħra li għamel Ġesù, il-kelma kienet biżżejjed. Niftakru, per eżempju, f’dak ir-rakkont taċ-ċenturjun li kellu l-qaddej tiegħu marid ħafna. Ġie għand Ġesù biex ifejqu, u Ġesù qallu: niġi, niġi. Imma dan qallu: toqgħodx tinqala’, “iżda int ordna biss b’kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq” (Mt 8:8). U hekk għamel. Ġesù fejqu b’kelma, avolja kien ’il bogħod.  Hawnhekk, lil dan marid bil-lebbra, Ġesù seta’ fejqu b’kelma. Imma l-Evanġelju jgħid: “medd idu fuqu, messu”. Fejn suppost Ġesù kellu jaħrab jiġri minnu, minflok medd idu u u messu. Ġesu għamel hekk mhux biex jilgħabha tal-ħelu – dak marid u jmissu xorta – imma għaliex ried iwassallu l-fejqan, u wkoll jgħinu biex jintegra ruħu mill-ġdid fil-komunità, ma jibqax maqtugħ. Fil-fatt, għalhekk jgħidlu biex imur juri ruħu lill-qassis “biex hekk tagħtihom xhieda li inti fiqt”. Ried ifejqu, jintegrah fil-komunità, u ried iwassallu tassew, b’mod li jħoss, dal-fejqan tiegħu.

Tolqotni ħafna dik il-kelma: “medd idu fuqu, messu”. X’turi din? Turi f’Ġesù dak li tant naraw fl-Evanġelju: rispett, kompassjoni, u sensitività. Ried iwassal l-imħabba li Ġesù għandu għal kull bniedem – hu min hu, hi min hi, f’liema kundizzjoni tkun il-persuna. Ġesù ried juri li għalih kull persuna hi għażiża, kull persuna għandek tistmaha. Ried juri dan b’mod li jwassal tassew din l-imħabba kbira lejn dan il-bniedem li kien maqtugħ mis-soċjetà biex jurih kemm iħobbu, kemm jistmah, kemm jirrispetta d-dinjità tiegħu.

Hawnhekk għandna ħafna x’nitgħallmu għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett, li jkollna l-fiduċja sħiħa f’Ġesù, u li niftakru li għalih kull persuna hi għażiża. Għal Ġesù, ma hemmx xi ħadd li hu aqwa minn ħaddieħor jew li għandek tistmah aktar ta’ nies minn ħaddieħor. Li kull persuna għandha d-dinjità tagħha, kull bniedem għandu valur għax hu bniedem. Għalhekk, meta nħarsu lejn nfusna, ngħidu: aħna għeżież. Aħna min aħna, aħna għeżież għal Ġesù.

Imbagħad ukoll li jagħtina qalb tixbah lil tiegħu, biex aħna wkoll nittrattaw lill-oħrajn b’rispett, b’kompassjoni, u b’sensitività. Li nuru dan bl-għemil tagħna, u nuru dan bil-kliem tagħna. Għaliex, aħna li aħna dixxipli ta’ Ġesù, hekk irridu nittrattaw lil kull bniedem, b’dal-mod. Għalhekk kliemna qatt ma jkun kliem li jweġġa’, li jinsulta, li jurta, li joħloq ferita fil-qalb, imma kliem li jdewwi l-uġigh, li jdewwi l-feriti, kliem li jwassal tassew l-imħabba ta’ Alla. B’dal-mod inkunu tassew dixxipli ta’ Ġesù, u nixbhuh. Ħa tkun din it-talba li nagħmlu fil-quddiesa llum, speċjalment li hu jagħtina qalb tixbah lil tiegħu, mimlija mħabba, mimlija rispett, kompassjoni u sensitività.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: