Biex jitnaqqsu l-firdiet u l-piki ta’ bejnietna

Print Friendly, PDF & Email

Id-dokument ‘Yahad’, imħejji mill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, hu mudell ta’ kif nistgħu ngħixu aħjar flimkien bħala soċjetà billi jitnaqqsu l-firdiet u l-piki ta’ bejnietna – li jistgħu jkunu marbuta ma’ politka partiġġjana, twemmin reliġjuż, futbol, każini tal-banda, familja – kif ukoll jiddewwew il-ġrieħi li ġġarrbu fil-passat.

Bl-Ebrajk, il-kelma ‘yahad’ tirreferi għas‑sens ta’ għaqda u komunità, u l-għan ta’ dan id-dokument huwa li nirriflettu fuq kif nistgħu nsawru soċjetà li tippromwovi l‑ġid komuni u ttejjeb il‑benessri tal‑persuni, speċjalment dawk l‑aktar vulnerabbli. 

‘Yahad’ jorbot mal-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali ‘Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed’ li qed jitwettaq bħalissa mill‑Knisja f’Malta, u li jenfasizza l‑bżonn ta’ ħidma għal rikonċiljazzjoni li tfejjaq id‑diversi ġrieħi tal‑poplu f’Malta. ‘Yahad’ jagħti wkoll suġġerimenti siewja u hu wkoll ta’ inkoraġġiment kbir għal kull min qed jagħti diġà kontribut validu fis‑soċjetà u hu ispirat mill‑valuri tat‑tagħlim soċjali tal‑Knisja.

Id‑dokument hu maqsum fi tliet taqsimiet:

  • il‑ġrajjiet li kixfu l‑ġrieħi tas‑soċjetà Maltija
  • il‑virtujiet li jistgħu jservu ta’ gwida matul il‑proċess ta’ fejqan, rikonċiljazzjoni u tiġdid tas‑soċjetà
  • l‑impenn fil‑prattika ta’ kull ċittadin favur soċjetà li, bħalma jisħaq il‑Papa Franġisku, twarrab “il‑kultura tal‑ħela” u tagħmel post għall‑“kultura tal‑laqgħa”. 

Matul ix‑xhur li ġejjin il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi se torganizza sensiela ta’ inizjattivi u attivitajiet li għandhom ikomplu jservu ta’ għajnuna għar‑rikonċiljazzjoni nazzjonali. L‑individwi, il‑familji, il‑komunitajiet u l‑politiċi huma mħeġġa jieħdu sehem f’din id‑diskussjoni billi jużaw il‑hashtag #YahadMT fuq il‑media soċjali.

Id‑dokument sħiħ jinsab fuq yahad.mt. Agħfas hawn biex tara l-konferenza stampa.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: