“Jiena naħseb li b’xi mod San Ġużepp ried jgħidli li kien se jkompli jgħinni, li se jkun ma’ ġenbi, u li jiena nkompli nħares lejh bħala ħabib li nista’ ndur lejh, li nista’ nafdah, li jiena nista’ nitolbu jinterċedi għalija u jitlob għalija.”
Il-Papa Franġisku tkellem fit-tul dwar San Ġużepp mal-gazzetta semi-uffiċċjali tal-Vatikan L’Osservatore Romano, u qal għala għażel li jiddedika s-sena li għaddiet lil dan il-qaddis, x’jgħallem dwar li tkun missier, dwar Ġesù, u x’nistgħu nitgħallmu minnu aħna lkoll.
Matul l-intervista l-Papa jispjega għaliex hu jħobb tant lil San Ġuzepp.

“Jiena qatt ma ħbejt kemm inħossni qrib San Ġużepp,” qal. “Jiena naħseb li din ġejja mit-tfulija tiegħi, mill-formazzjoni tiegħi.”
Il-Papa qal li hu jara f’San Ġuzepp “dak li l-fidi nisranija trid tkun għalina lkoll, b’mod sabiħ u sempliċi.”
Fil-fatt San Ġużepp huwa raġel normali, u l-qdusija tiegħu tinsab preċiżament li sar qaddis permezz ta’ tant affarijiet sbieħ u oħrajn koroh li hu għadda minnhom u ħabbat wiċċu magħhom.
Għalkemm kien bniedem sempliċi, huwa kellu missjoni importanti fl-istorja tas-salvazzjoni, qal il-Papa.
Il-ġrajjiet li wasslu għat-twelid ta’ Ġesù kienu tabilħaqq diffiċli, mimlijin ostakli, problemi, persekuzzjoni u dlam. U Alla poġġa lil Marija u Ġużeppi maġenb ibnu li kien ġej biex jitwieled fid-dinja.
Jekk Marija kienet dik li welldet lill-Kelma t’Alla li saret bniedem, Ġużeppi kien dak li ħarsu, ipproteġih, temgħu u rabbieh.
Żewġ karetteristiċi magħqudin flimkien
Il-Papa Franġisku qal li nistgħu nħarsu lejn San Ġużepp bħala “l-bniedem taż-żminijiet diffiċli” – bniedem li kien jaf ikun responsabbli.
Huwa spjega li jara żewġ karatteristiċi magħqudin flimkien f’dan il-qaddis: il-profondità spiritwali u kemm kien bniedem prattiku.
Ir-rakkonti ta’ Alla li jkellem lil Ġużeppi fil-ħolm, “juru kemm Ġużeppi kien kapaċi jisma’ lil Alla jkellmu f’qalbu. Huwa biss dak il-bniedem li jitlob, li għandu spiritwalità profonda, li jkollu l-kapċità li jiddixxerni l-leħen ta’ Alla fost tant ilħna li hemm ġo fina.”
Imma minbarra din il-karatteristika, Ġużeppi huwa “bniedem konkret” li “jiffaċċja l-problemi b’mod mill-iktar prattiku, u qatt ma jġib ruħu ta’ vittma meta quddiemu jsib problemi u ostakli. Għall-kuntrarju, huwa dejjem issibu jirrejaġixxi, iwieġeb, jafda lil Alla u jsib soluzzjonijiet b’mod krejattiv.”
Il-bidu tal-ministeru Petrin ta’ Franġisku
Min kien qed jintervista lill-Papa, innota kif il-Papa Franġisku beda uffiċċjalment il-ministeru tiegħu Petrin nhar il-Festa ta’ San Ġużepp, fatt li l-Papa jiddeskrivih bħala “att ta’ tjieba tas-sema.”
Jiena naħseb li b’xi mod San Ġużepp ried jgħidli li kien se jkompli jgħinni, li se jkun ma’ ġenbi, u li jiena nkompli nħares lejh bħala ħabib li nista’ ndur lejh, li nista’ nafdah, li jiena nista’ nitolbu jinterċedi għalija u jitlob għalija.
Imbagħad il-Papa ħeġġeġ lill-insara kollha sabiex ikollhom din ir-relazzjoni mal-qaddisin.
Jiena naħseb li din tista’ tgħin lil ħafna. Din hija r-raġuni, nittama, li s-Sena dedikata lil San Ġużepp daħlet fil-qalb ta’ ħafna insara u għenithom jiskopru mill-ġdid il-valur profond tal-komunjoni tal-Qaddisin, li mhix xi komunjoni fl-arja, imma komunjoni konkreta li tesprimi ruħha f’relazzjoni konkreta u għandha konsegwenzi konkreti.
Pubblikata f’ Aleteia, kitba ta’ Kathleen N. Hattrup – 01/13/22
Miġjuba għall-Malti minn Fr Roy Galdes