Hemm għalfejn jidhrulna affarijiet mid-dinja l-oħra biex nikkonvertu? 

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 17 ta’ Marzu 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Ħamis tat-tieni ġimgħa tar-Randan. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jgħid din l-istorja lill-Fariżej imma jgħidha lil kull wieħed u waħda minna. U ġġagħalna naħsbu. Dan l-għani kellu biex jagħti xi ħaġa x’jiekol lil Lazzru imma donnu nsieh. Lazzru kien imur ħdejn il-bieb tal-għani kuljum jittama li forsi jiekol mill-frak li jaqa’ mill-mejda tal-għani.

B’xi mod l-għani, għax ried, ħoloq abbiss, wied profond bejnu u bejn il-fqir. Seta’ kieku jnewwillu idu, jgħinu kif jista’, u seta’. U dak li żera’ f’din il-ħajja sabu fil-ħajja l-oħra. Abraham jgħidlu: “Bejnietna u bejnkom hemm abbiss, ma nistgħux ngħaddu la aħna niġu għandkom u anqas intom tiġu għandna. Hemm vojt bla qies” (ara Lq 16:26). Vojt bla qies!

L-għani, fil-parabbola ta’ Ġesù, sab il-vojt bla qies li hu stess ħoloq bejnu u bejn il-fqir. X’responsabbiltà għandna aħna li dan il-vojt, li ħafna drabi nkunu ttentati noħolqu anke bejnietna. Ikollna ’l xi ħadd li qiegħed f’diffikultà fil-familja u ngħidu: ‘issa għajjejt, issa ma rridx’. Dan kollu żerriegħa li nsibuha fil-mument tal-verità fuq ħajjitna.

Ħafna drabi n-nuqqas ta’ ħila tagħna tiġi min-nuqqas tar-rieda tagħna

L-għani ma nafux x’kien jismu; aħna nafu x’kien jismu l-fqir, kien jismu Lazzru. L-għani jipprova jsalva lil ħutu. Jiena din il-ħaġa ġġagħalni naħseb. Ftit diċenza baqagħlu dan għax almenu ħaseb f’ħutu. Jgħidlu: “Almenu ibagħatilhom ’l xi ħadd biex iwissihom ma jiġux ħdejja” (ara Lq 16:28). Imma l-Mulej jgħidlu li t-tagħlim li hemm biżżejjed biex dak li jkun jagħmel dak li hu sewwa, jgħix ħajja tajba. U jgħidlu: “Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu” (Lq 16:31).

Din hi r-responsabbiltà li għandna. Aħna qegħdin nisimgħu l-Kelma t’Alla u ngħixuha? Ħafna drabi niġru wara l-affarijiet straordinarji. Għax il-Madonna taf x’qalet hemm? U taf x’qalet dik li dehritlilha l-Madonna? U l-Evanġelju li naqraw kuljum fih kollox! Hemm għalfejn jidhrulna affarijiet mid-dinja l-oħra biex aħna nikkonvertu?

Ħafna drabi n-nuqqas ta’ ħila tagħna tiġi min-nuqqas tar-rieda tagħna. Illum fid-dawl ta’ dan l-Evanġelju li jagħtina skossatura ftit, nitolbu l-Mulej biex aħna, meta nirrealizzaw li fil-bieb ta’ ħajjitna hemm min għandu l-bżonn, ma nwebbsux qalbna, ma nagħlqux qalbna għax dak li nagħmlu ma’ ħutna hawnhekk, ikun investiment fit-tajjeb u fil-ħażin għal ħajja ta’ dejjem.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġer 17:5-10
Salm: 1:1-2,3,4 u 6
L-Evanġelju: Lq 16:19-31

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: