Il-Papa se jikkonsagra lir-Russja u lill-Ukrajna lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija

Print Friendly, PDF & Email

Nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Marzu, fil-festa tat-Tħabbira tal-Mulej, waqt Ċelebrazzjoni Penitenzjali, li se jkun qed jippresiedi fil-Bażilika ta’ San Pietru, l-Papa Franġisku se jikkonsagra lir-Russja u lill-Ukrajna lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Din iċ-ċelebrazzjoni ser tkun fil-5pm.

Dan qalu fi stqarrija, Matteo Bruni, d-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede. “L-istess att, fl-istess jum, se jsir f’Fatima mill-Kardinal Konrad Krajewski, l-elemoniżier tal-Papa”, li qed jintbagħat hemmhekk mill-Papa.

Fid-dehra tat-13 ta’ Lulju 1917, f’Fatima, l-Madonna kienet talbet il-konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa tagħha, fejn kienet qalet li jekk din it-talba ma tintlaqax, ir-Russja kienet se tifrex “l-iżbalji tagħha mad-dinja, tippromwovi gwerer u persekuzzjoni tal-Knisja.” Hija żiedet tgħid: “It-tajjeb se jiġi martrizzat, il-Qdusija Tiegħu ikollu ħafna xi jbati, fiversi ġnus jinqerdu”.

Wara d-dehriet ta’ Fatima saru diversi atti ta’ konsagrazzjoni lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. L-Papa Piju XII, fil-31 ta’ Ottubru 1942, ikkonsagra lid-dinja kollha, u fis-7 ta’ Lulju 1952 ikkonsagra lill-popli tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija fl-Ittra Appostolika Sacro vergente anno.

Fil-21 ta’ Novembru 1964, il-Papa San Pawlu VI ġedded il-konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa fil-preżenza tal-Missirijiet tal-Konċilju Vatikan II. Il-Papa San Ġwann Pawlu II, fis-7 ta’ Ġunju, fis-Solennità ta’ Pentecoste, ikkompona talba għal dak li sejjaħ ‘Att ta’ Affidament’ biex jiġi ċċelebrat fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore.

F’Ġunju tas-sena 2000, is-Santa Sede żvelat it-tielet parti tas-sigriet ta’ Fatima. Dak iż-żmien l-Arċisqof Tarċisio Bertone, li kien Segretarju tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, rrimarka, li Suor Luċija, f’ittra tal-1989, kienet ikkonfermat personalment li dan l-att solenni u universali ta’ konsagrazzjoni kien jikkorrispondi ma’ dak li l-Madonna riedet: “Iva sar, fil-25 ta’ Marzu 1984, bħalma kienet talbet il-Madonna”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-03/pope-francis-to-consecrate-russia-and-ukraine-to-the-immaculate.html

%d bloggers like this: