Żewġ kotba ta’ studenti Maltin u Għawdxin se jiġu ppreżentati lill-Papa Franġisku

Print Friendly, PDF & Email

Bi tħejjija għall‑miġja tal‑Papa Franġisku f’Malta u Għawdex nhar is‑Sibt u l‑Ħadd li ġej, studenti minn 81 skola tal‑Istat, tal‑Knisja u Indipendenti fl‑aħħar ġimgħat ġew mistiedna jesprimu ruħhom b’mod artistiku dwar it‑tema ‘Ilkoll Aħwa’. Dan permezz ta’ tpinġijiet, filmati, żfin, collages, intervisti, kitbiet, poeżiji u mudelli maħduma bl‑idejn. Ix‑xogħol li ħolqu l‑istudenti nġabar f’żewġ kotba li l‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex se jippreżentaw lill‑Papa Franġisku meta se jkellmuh dwar il‑ħidma tal‑Knisja f’Malta.

Dan kollu sar possibbli permezz ta’ riflessjonijiet li l‑edukaturi għamlu fil‑klassi dwar min hu l‑Papa Franġisku u dwar il‑kitbiet tiegħu, b’mod partikolari it‑tagħlim fl‑enċiklika ‘Ilkoll Aħwa’ (Fratelli Tutti). Ir‑riżorsi użati fil‑klassi ġew adattati mill‑Ispiritual Development in Schools skont l‑età tat‑tfal.

L‑espressjonijiet artistiċi li ħolqu l‑istudenti Maltin ġew ippreżentati dalgħodu lil Dr Nadia Delicata, id‑Delegat tal‑Arċisqof għall‑Evanġelizzazzjoni, waqt attività li saret fil‑Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl fir‑Rabat. Għaliha attendew studenti tal‑primarja, medja u sekondarja minn 60 skola f’Malta fejn iddiskutew ukoll ix‑xewqat u l‑ħolm tagħhom li jgħixu flimkien bħal aħwa. 

F’messaġġ lill‑istudenti, l‑Arċisqof Charles Jude Scicluna rringrazzja lil kull student u studenta talli b’entużjażmu kbir ħadu sehem f’dan il‑proġett. Mons. Arċisqof appellalhom sabiex matul dawn il‑jiem it‑tfal jitolbu sabiex iż‑żjara tal‑Papa Franġisku fostna tħalli l‑ġid mixtieq: “Iż‑żjara tal‑Papa tista’ tkun żerriegħa sabiħa li l‑Mulej jiżra’ fil‑qalb tagħna u jsib qalb li tilqa’ l‑kelma tal‑Papa u tagħmel ħafna frott, iżda dan jiddependi minna”. 

F’Għawdex, l‑espressjonijiet artistiċi ġew ippreżentati llum ukoll lill‑Isqof Anton Teuma waqt laqgħa mal‑kapijiet, assistenti kapijiet u studenti tal‑21 skola f’Għawdex. Kull skola Għawdxija ħadmet fuq tema waħda li tinsab fl‑enċiklika tal‑Papa. L‑istudenti żviluppaw it‑tema u kitbu ‘mill‑ġdid’ is‑silta li ħadmu fuqha. Dan sar billi kull student fl‑iskola, b’mod liberu, kiteb kelma waħda biss mit‑test kollu. Il‑ktieb tal‑istudenti Għawdxin jinkludi ritratti tal‑proċess kollu li sar fl‑iskejjel f’dawn l‑aħħar ġimgħat.

Il‑ktieb tal‑istudenti Maltin hu aċċessibbli f’forma diġitali minn hawn.

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: