Pubblikazzjoni ġdida għal żmien ir-Randan

Print Friendly, PDF & Email

Kemm hija għażiża l-Kelma tiegħek, Mulej! hu ktieb ġdid minn Rev. Dr Martin Micallef, fis-sensiela ‘Reliġjon u Ħajja – Bibbja 24/30’. Il-ktieb jinkludi Lectio Divina għal ħames siltiet tal-Evanġelju tal-Ħdud għas-sena liturġika C, bit-tappi tradizzjonali tal-Lectio Divina, jiġifieri Lectio, Meditatio, Oratio, Contemplatio u Operatio.

F’dawn ir-riflessjonijiet Rev. Micallef jurina kif fi żmien ir-Randan niġu mistednin biex nerġgħu nħarsu lejn il-ħajja tagħna u ngħixuha bħala wlied Alla, kif tassew aħna. Fl-ewwel Ħadd l-awtur jakkumpanjana fl-episodju tat-tentazzjonijiet ta’ Ġesù li matulhom wera li kien tassew l-Iben ta’ Alla. Fit-tieni Ħadd jgħinna nitilgħu ma’ Ġesù fuq muntanja u naraw is-sbuħija tiegħu li ddewwaqna minn kmieni l-glorja tal-Qawmien. Fit-tielet Ħadd iwassalna biex nisimgħu sejħa qawwija għall-indiema f’relazzjoni mal-paċenzja kbira li l-Mulej juri lejna l-midinbin. Fir-raba’ Ħadd jistedinna biex nikkontemplaw il-ħniena kbira ta’ Alla permezz tal-parabbola tal-missier ħanin li kellu żewġ ulied ingrati lejh. Fil-ħames Ħadd jippreżenta l-episodju tal-mara li nqabdet fid-dnub u kif Ġesù, filwaqt li ħelisha mill-kundanna tal-mewt, wera l-ipokrisija ta’ dawk li kienu qed jakkużawha.

B’din il-pubblikazzjoni, Rev. Micallef itemm tliet pubblikazzjoni, li jservu biex jgħin lill-qarrej japprezza, jifhem u jitlob aktar bil-qari tal-Evanġelju tal-Ħdud tar-Randan fiċ-ċiklu tat-tliet snin. Il-ktieb, ippubblikat mill-Franġiskani Konventwali, qed jinbiegħ mic-CAK u mil-libreriji reliġjużi għall-prezz ta’ €6.

Agħfas hawn Għal aktar tagħrif.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: