L-Arċisqof jiltaqa’ ma’ persuni li jattendu gruppi ta’ sapport għas-separati

Print Friendly, PDF & Email

L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ltaqa’ ma’ persuni li għaddejjin minn separazzjoni fiż‑żwieġ u li bħalissa qed jattendu gruppi ta’ sapport immexxija minn Caritas Malta, kif ukoll fil‑parroċċi tal‑Mosta u Ħal Tarxien.

Waqt il‑laqgħa, l‑Arċisqof sema’ d‑diversi esperjenzi ta’ dawk li għaddew jew għaddejjin mis‑separazzjoni u l‑isfidi li jiltaqgħu magħhom f’dan il‑mument ta’ ħajjithom. Huma wrew apprezzament lejn il‑Knisja li taħdem mill‑qrib mal‑persuni separati u li fil‑parroċċi hemm għadd ta’ saċerdoti li huma sensittivi għal dawk li għaddejjin mis‑separazzjoni. Intqal ukoll li nies qrib il‑Knisja għandhom ikollhom iktar kliem ta’ wens u ssuġġerew li l‑Knisja għandha jkollha iktar diretturi spiritwali f’dan il‑qasam. 

L‑Arċisqof tkellem dwar l‑impenn tal‑Knisja f’Malta sabiex tifhem aħjar u timxi ma’ dawn il‑persuni, u insista fuq l‑importanza tal‑ħniena, li hija l‑ogħla forma ta’ ġustizzja. Qal ukoll li “l‑ulied m’għandhomx ikunu ballun f’riġlejn il‑ġenituri” u jbatu l‑konsegwenzi ta’ deċiżjonijiet, kultant pikużi, bejn il‑ġenituri.

Għal din il‑laqgħa, li saret fil‑Caritas Community Centre fil‑Ħamrun, attendew ukoll Dun Marco Portelli, kordinatur tal‑ħidma pastorali mal‑persuni separati, Anthony Gatt, id‑Direttur ta’ Caritas Malta, u staff u saċerdoti li huma viċin persuni separati.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: