Trasformazzjoni bl-imħabba

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 1 ta’ Mejju 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fit-Tielet Ħadd tal-Għid. Kunvent Ulied il-Qalb ta’ Ġesù, Sta Venera.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Il-Mulej dan!”.  Dan kien il-kliem qal Ġwanni lil Pietru fl-Evanġelju tal-lum meta ntebaħ bil-preżenza tal-Mulej li qam mill-imwiet u l-bidla li ġabet fost dawn id-dixxipli. Dawn kienu jifhmu fis-sajd, u għalhekk meta qalu li sejrin jistadu, kellhom f’moħħhom li għallanqas jaqbdu xi ħaġa. Imma dawn għamlu l-lejl kollu jistadu u ma qabdu xejn. Imbagħad filgħodu jaraw lil dan ir-raġel – għall-bidu ma għarfuhx li kien Ġesù Rxoxt – u jgħidilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu”. U dawn għamlu hekk, imbagħad tant qabdu ħut li kellhom diffikultà biex ikaxkru x-xibka! 

Dik il-bidla uriethom li dak kien il-Mulej – il-Mulej li qam mill-mewt. U għalhekk għarfuh għax huma kellhom esperjenza ta’ Ġesù f’ħajjithom, kienu jafu kif il-preżenza ta’ Ġesù dejjem iġġib id-differenza, iġġib il-bidla, u taqla’ lill-bniedem minn sitwazzjoni ta’ diżappunt, sitwazzjoni diffiċli, biex tagħtih triq ġdida, ħajja ġdida. Hekk għamel Ġesù lilhom, li kienu qishom ħerġin minn falliment ta’ lejl meta ma qabdu xejn, imbagħad uriehom il-preżenza u l-kelma tiegħu x’bidla ġġib fihom.

Djalogu ta’ mħabba

Nixtieq li naħsbu fuq l-aħħar parti ta’ dan l-Evanġelju, id-djalogu sabiħ bejn Ġesù u Pietru. Ġesù jistaqsih għal tliet darbiet l-istess mistoqsija. Issa aħna normalment ma nistaqsux l-istess mistoqsija lill-bniedem għal tliet darbiet, jekk mhux għax ma jistax jisimgħek – u għalhekk tirrepetiha – jew inkella ma fehmikx, u terġa’ tirrepetiha. Imma hawn Pietru wieġbu għall-ewwel mistoqsija, u Ġesù staqsihielu tliet darbiet. U kienet il-mistoqsija: “Tħobbni int aktar minn dawn?…Tħobbni?”

Kienet mistoqsija biex Pietru jistqarr l-imħabba tiegħu sħiħa lejn Ġesù. Meta narawha hekk, aħna niftakru mal-ewwel f’Pietru f’mument ieħor, fil-passjoni ta’ Ġesù, meta hemmhekk għal tliet darbiet ċaħad lil Ġesù. Mhux ċaħad li jħobbu; ċaħad li jafu. Qalilhom “ma nafux”. U dan tniżżel fl-Evanġelju, biex kull darba nerġgħu niftakru li Pietru għal tliet darbiet ċaħad lil Ġesù.

Għalhekk hawnhekk x’jagħmel Ġesù? Nixtieq li naraw kif Ġesù, bl-imħabba kbira tiegħu, jgħin lil Pietru jinqala’ mid-dnub tiegħu, mill-iżball tiegħu, u jagħtih direzzjoni ġdida, ħajja ġdida. B’li għamel Ġesù, għen lil Pietru, fdieh mid-dnub tiegħu. Għal tliet darbiet kien stqarr li ma jafux, kien ċaħdu; għal tliet darbiet hawnhekk jistqarr li jħobbu u jħobbu bis-sħiħ.

Djalogu ta’ fiduċja

Meta Ġesù deher, wara li qam mill-mewt, lil Pietru li kien ċaħdu ma qallux “x’fettillek għamilt hekk?”, jew inkella għajjat miegħu, jew irrabja, jew sawtu bi kliemu; imma tah il-possibbiltà li jinqala’ mid-dnub tiegħu, mill-iżball tiegħu, biex jibda ħajja ġdida. U Ġesù jagħmel aktar minn hekk, għax lilu jgħidlu: “irgħa l-ħrief tiegħi… irgħa n-ngħaġ tiegħi”. Jafdah b’mod sħiħ, u jagħtih din il-missjoni. Issa trid tkun Ġesù biex lil xi ħadd li ċaħdek b’dak il-mod, tafdah u tagħtih din il-missjoni kbira! Imma Ġesù hu dak li joħroġ lil Pietru minn din is-sitwazzjoni tiegħu u jagħtih fiduċja sħiħa.

Nafu kif, fil-fatt, Pietru fehem dan li qallu Ġesù. Qallu: “Irgħa n-ngħaġ tiegħi” – in-ngħaġ ta’ Ġesù. Ma qallux “in-ngħaġ tiegħek”. Mela qed jgħidlu: qed nafdalek il-poplu tiegħi f’idejk, biex tirgħa l-poplu bħala ragħaj. Imma n-ngħaġ jibqgħu tiegħi. Jibqgħu ta’ Ġesù.

Missjoni ta’ ragħaj

Nafu kemm Pietru fehem din il-kelma ta’ Ġesù. Fil-fatt, fl-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, jispjega dan b’mod sabiħ. Araw il-kliem tiegħu, kemm fehem tassew dak li qallu Ġesù. Jgħid: “Nitlob lill-presbiteri li hemm fostkom, bħala presbiteru jien ukoll u xhud tat-tbatijiet ta’ Kristu, u bħala wieħed li għandu sehem mis-sebħ li għad irid jidher: irgħu l-merħla ta’ Alla li hi f’idejkom. Ħudu ħsiebha, mhux bilfors, Ġesù imma bil-qalb, kif irid Alla; mhux għall-qligħ baxx, iżda mħeġġa mill-imħabba; mhux bħallikieku taħkmu bil-qawwa fuq dawk li ngħatawlkom f’idejkom, imma billi tkunu ta’ eżempju għall-merħla.” Ara kemm fehem dak li qallu Ġesù hawnhekk.

Ħajja ġdida u fiduċja

X’inhu l-messaġġ għalina fil-ħajja tagħna llum? Aħna wkoll, meta niltaqgħu mal-Mulej, lilna jgħinna. Ma jsawwatniex bil-kliem tiegħu, ma jirrabjax magħna, imma  lilna jgħinna noħorġu mid- mill-ħażen tagħna, mid-dnub tagħna, bħalma għamel lil Pietru, biex ngħixu tassew fl-imħabba sħiħa tiegħu. Din lilna tagħtina ħafna kuraġġ fil-ħajja għaliex il-Mulej hu dak li dejjem joħroġna mis-sitwazzjonijiet diffiċli u koroh tagħna biex jagħtina ħajja ġdida. U jafdana. Bħalma qal lil Pietru, lilna wkoll jixtieq jafdana bil-missjoni, kulħadd skont is-sejħa li Alla tah, b’fiduċja sħiħa li aħna nistgħu nimxu ’l quddiem jekk tassew naċċettaw din l-imħabba u l-fiduċja ta’ Alla.

Nitolbu llum lill-Mulej biex aħna nagħrfuh bħala l-Mulej – kif qal Ġwanni, “Il-Mulej dan” – il-Mulej li lilna tant iħobbna li jixtieq jgħinna biex ngħixu fl-imħabba u l-paċi tiegħu. Joħroġna mid-dnub tagħna, mill-ħażen tagħna. Hu l-Mulej li jagħtina fiduċja sħiħa. Nitolbuh biex bħalma għamel Pietru, aħna nimxu warajh, nagħrfuh bħala l-Mulej, u naqdu l-missjoni tagħna b’imħabba sħiħa.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: