Inħarsu kelmtu għax inħobbuh

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 16 ta’ Mejju 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-Tnejn tal-ħames ġimgħa tal-Għid. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Għal aktar minn darba, fl-Evanġelju tal-lum skont San Ġwann, Ġesù jenfasizza r-rabta bejn l-imħabba lejh u li nħarsu l-kelma tiegħu, li nħarsu l-kmandamenti tiegħu. Jgħid: “Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni” (Ġw 14:21). U aktar tard jgħid: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti” (Ġw 14:23).

Din ir-rabta Ġesù jenfasizzaha hawn, imma anke f’mumenti oħra; jiġifieri li aħna, sforz l-imħabba tagħna lejh, nagħmlu dak li jgħidilna hu. Niftakru f’dak id-djalogu li kellu ma’ Pietru wara l-qawmien mill-mewt, meta staqsieh għal tliet darbiet “tħobbni int?”, “tħobbni int aktar minn dawn?” (Ġw 21:15-17) U meta Pietru jgħidlu “Mulej, inti taf li nħobbok”, Ġesù jgħidlu x’għandu jagħmel: “irgħa n-ngħaġ…il-ħrief tiegħi”. Qed jgħidlu: il-missjoni li għandek, dak li għandek tagħmel, għandu joħroġ mill-imħabba lejja.

F’dan l-Evanġelju, Ġesù jsemmi t-tliet persuni tat-Trinità Qaddisa, li hi l-preżenza ta’ Alla fina, mimlija mħabba. Hawn Ġesù jsemmi l-Missier, l-Ispirtu s-Santu u lilu nnifsu u mbagħad jgħid dik il-kelma sabiħa: “aħna niġu u ngħammru għandu” (Ġw 14:23). Hi l-preżenza ħajja ta’ Alla fina, l-isbaħ li jista’ jkollna, u dik li verament timla lil ħajjitna bl-imħabba.

Nixtieqkom tinnutaw żewġ punti f’dan l-Evanġelju, dwar dak li Ġesù jgħid fuq din ir-rabta bejn l-imħabba u l-kelma tiegħu. Ġesù jgħid li aħna għandna nkunu mmexxijin dejjem minn din l-imħabba. Fil-magħmudija, meta rċevejna l-ħajja ta’ Alla fina, Alla qiegħed fina din l-imħabba, biex tkun hi li tmexxina. Għalhekk, kemm f’dak li nagħżlu li nagħmlu, kif ukoll f’dak li nagħżlu li ma nagħmlux għandha tmexxina l-imħabba, mhux il-biża’. Fil-fatt, Ġesù jgħid: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti”. Ma jgħidx: Jekk xi ħadd jibża’ minni, ifittex li jħares kelmti. Għax għandha tkun l-imħabba li tmexxina biex nagħżlu dak li jrid minna. Ħu l-kmandamenti, li jsemmi Ġesù stess. Per eżempju, wieħed mill-kmandamenti hu “la tisraqx”. Int tista’ tirraġuna u tgħid: jien ma nisraqx għax jaqbduni, għax nibża’ li jaqbduni. Mhijiex motivazzjoni tajba. Jew tgħid: ma nisraqx għax nibża’ mill-kastig ta’ Alla. Imma Ġesù qed jgħid: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti… iħares il-kmandamenti”. Jien għandi nosserva l-kmandamenti ta’ Alla sforz l-imħabba lejh u lejn l-oħrajn. Mhux il-biża’ li għandu jmexxina, imma l-imħabba li għandha tmexxina.

Imbagħad Ġesù jenfasizza punt ieħor importanti. Jgħid: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti” u mbagħad jgħidha anke b’mod negattiv: “Min ma jħobbnix, ma jħarisx kliemi”. Hawn qed ifakkarna li mhux imbilli ngħidu bi kliemna “Jien inħobbu lill-Mulej”. Importanti li l-għemil tagħna jkun jaqbel ma’ dan. Ġesù kien qalha: “Mhux kull min jgħidli ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, imma min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 7:21). Kontinwament hi enfasizzata din fil-kelma ta’ Alla. Niftakru dak li kien qal San Ġwann fl-Ewwel Ittra tiegħu: “Ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ imma bl-għemil u bil-verità” (1 Ġw 3:18). Mela jekk jien ngħid “Mulej, inħobbok”, irrid nuri din l-imħabba fl-għemil, mhux bil-kliem mod u bl-għemil xi ħaġa differenti jew eżatt il-kontra ta’ dak li jrid minna l-Mulej. Ġesù qed jgħid li hu importanti li fil-prattika, mhux bil-kliem biss, inħarsu kelmtu.

Nitolbu lill-Mulej biex jimlielna qalbna bl-imħabba tiegħu, u tkun din l-imħabba lejh li tmexxina dejjem, mhux il-biża’, u tgħinna biex aħna nħarsu kelmtu ħalli ngħożżu din il-preżenza ta’ Alla mimlija mħabba.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: