Ġwanni Pawlu II f’Libreville

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU
FIN-NIGERIA, BENIN, GABON U GUINEA EKWATORJALI
QUDDIESSA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Libreville (Gabon), 19 fta’ Frar 1982
Għeżież ħuti tal-Gabon.

Ġejtu meħlusin mill-qawwa tal-Ħażen waqt li rregalajtu l-fidi tagħkom lil Alla r-Ragħaj it-tajjeb tagħna: għixu fiduċjużi f’imħabbtu!

Kontu milqugħin mill-Knisja bħala membri kollkom kemm intom: assumu r-responsabiltajiet tagħkom, biex tibnu fikom din id-Dar spiritwali!

F’ħajjitkom familjari, kontu assoċjati fil-misteru tal-imħabba ta’ Alla u fid-don ta’ ħajtu: dan il-misteru huwa kbir!

Kritu jsejħilkom, bħal San Pietru, biex tegħlbu l-biżà u d-dgħufija tagħkom, biex issegwuh fit-triq esiġenti tal-bejatitudnijiet; imxu fit-tama, bil-qawwa tal-Ispirtu Santu!

Dawn huma erbà aspetti tal-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu, li rrid nimmedita flimkien magħkom.

1. L-ewwelnett, dan l-Appostlu Pietru, li lilu Ġesù rxuxtat, fuq ix-xtut tal-lag tal-Galilea qal: “Kun ir-ragħaj tan-nagħaġ tiegħi”, temm, bħalma tafu ħajtu terrena ġewwa Ruma, martri tal-fedeltà tiegħu lejn l-imħabba ta’ Kristu. Imma, bħalma fuq qabru nbniet Bażilika sabiħa, hija fuq il-fidi tiegħu li l-Knisja mmensa ta Ġesù Kristu kienet imsejsa iktar minn għoxrin seklu ilu. Minn Krakovja Alla sejjaħli f’Ruma, jien, qaddej li ma jistħoqqlix tiegħu biex niret ir-responsabiltà ta’ Pietru, li hija dik li nżomm magħqudin madwar Ġesù, Ragħaj tassew, in-nagħaġ mitlufa.

Fit-twettiq ta’ din il-missjoni, nieħu gost nerġà naqralkom xi kliem li l-Appostlu Pietru kien kiteb minn Ruma lil xi nsara tal-Asja Minuri, ikkonvertiti mill-paganeżmu: “Intom ir-razza magħżula, is-saċerdozju rjali, in-nazzjon qaddis, poplu li Alla akkwista sabiex ixandar l-opri tal-għaġeb ta’ dak li sejħilkom mid-dlamijiet għad-dawl tal-għaġeb tiegħu.  

Darba waħda intom ma kontux il-poplu tiegħu, issa iżda intom il-poplu ta’ Alla. Kontu esklużi mill-ħniena tiegħu, issa iżda ksibtu ħniena” (1Pt 2,9-10).

Għeżież ħuti, dan huwa messaġġ konfortanti, messaġġ ta’ paċi! Huwa wkoll għalikom li tajtu l-fidi tagħkom lil Kristu. Bla ebda dubju Alla qatt ma kien bogħod mix-xjuħ tagħkom, li min-naħa tagħhom kellhom il-virtujiet naturali tagħhom, imma ma kinux għarfu, bħalkom, il-wiċċ tiegħu ta’ Salvatur.

Intom tagħrgfuh. Intom kontu mgħammdin f’ismu. Meħlusin mill-qalba ta’ rwieħkom mid-dominju tal-Malizzjuż li, sa mid-dnub tan-nisel iżomm lill-bniedem ilsir tiegħu, fis-seħer, fil-gideb u fil-biżà. Intom irċivejtu l-Ispirtu Santu li jippermettilkom li dduru lejn Alla waqt li ssejħulu bħal Ġesù: “Abbà, Missier!” (Rm 8,15). Diġà Eżekjel il-profeta kien ħabbrilna Alla li kien jieħu ħsieb in-nagħaġ kollha tiegħu, li kien ifittex dik mitlufa, li kien jinfaxxa dik miġruħa u jikkura lil dik marida (cf. Eż 34,16). U Ġesù irrivelalna, aħjar minn kwalunkwè ieħor, wiċċ Missieru, wiċċ ta’ ħniena, sofferenti minħabba d-dnub, imma lest li jaħfer lill-midneb. Biex jerġà jqajmu, u jerġà jintegrah fid-dar tal-Missier. Dak li hu jitlob qabel kollox, bħalma Ġesù qal lil Pietru, hija l-imħabba: “Inti tassew tħobbni?” Iva, Ġesù jippermettilna li nersqu viċin dan Alla ħanin, li nitolbuh b’fiduċja biex ikompli jeħlisna mid-deni, waqt li aħna stess nużaw il-ħniena.

Bla dubju, ħajjitna, bħal dik tal-bnedmin kollha, bħal dik tal-insara kollha, tibqà sottomessa għal provi numerużi. Dan huwa għaliex, minħabba d-dnub tan-nisel, il-ġeneru uman wiret sitwazzjoni storika ta’ diżordni, ta’ firda ma’ Alla, bħalma tirrivela l-Bibbja, b’mod globali u misterjuż; u l-kawżi mmedjati u konkreti ta’ dawn il-provi huma ta’ min ifittixhom fil-limiti normali ta’ din id-dinja maħluqa, kultant fil-kondizzjonijiet klimatiċi diffiċli, fl-istat tagħna ta’ krejatura mortali, fl-improvidenzi tagħna, fin-negliġenzi tagħna u, kultant, ukoll fl-inġustizzji soċjali sostnuti minn oħrajn. Ma’ Kristu, il-“Bniedem tan-niket”, dawn jistgħu jkunu milqugħa, offruti, megħluba b’kuraġġ, hemm bżonn li ma nħallux lilna nfusna nkunu ossessjonati mill-malizzja tal-oħrajn, u ferm iktar li nħossu biżà  morbuża ta’ Alla “li jtellà x-xemx tiegħu  fuq il-ħżiena kif ukoll fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita fuq il-ġusti u fuq dawk li mhumiex ġusti” (Mt 5,45).

Intom, għeżież ħuti, waqt li nirrinunzjaw d-dnub – l-unika ħaġa li għandna nibżgħu minnha”! – warrbu kull fataliżmu, kull biżà inutli. Waqt li noperaw b’mod imħeġġeġ biex inbegħdu t-tbatijiet u d-diffikultajiet naturali tal-ħajja, bil-meżżi kollha li Alla tana, qiegħdu dejjem il-fiduċja tagħkom fis-Salvatur, fih biss, billi tirrikorru għandu bis-sempliċità kollha. Fittxu l-appoġġ fil-ħajja komunitarja tal-proxxmu tagħkom u b’mod partikolari tal-insara li Alla sejħilhom biex jgħixu bħal aħwa.

Dan huwa l-ewwel aspett tal-Bxara t-Tajba: il-paċi ta’ Alla.

2. Issa, iddedikaw ruħkom biex tibnu l-Knisja fil-Gabon, “li fiha hija preżenti u topera l-Knisja ta’ Kristu, waħda, qaddisa, kattolika u apostolika” bħal f’kull Knisja partikolari (Christus Dominus, 11).

L-unika Knisja ta’ Kristu ġiet qabilkom. Imwaqqfa minnu. Uriet ruħha pubblikament fl-ewwel Għid il-Ħamsin nisrani f’Ġerusalem. Din “kellha bħala sisien l-Appostli u l-profeti, u l-ġebla tax-xewka hija l-istess Kristu”, kif ifakkarna San Pawl. Din hija unika, ukoll jekk sfortunatament l-insara huma kultant mifrudin. Din hija l-Knisja li tibgħat uħud mill-membri tagħha f’missjoni, biex iwaqqfu komunitajiet ġodda, kif il-missjunarji għamlu hawn għandkom madwar mija u erbgħin sena ilu. “Intom kontu ntegrati fill-binja… biex issiru intom ukoll, permezz tal-Ispirtu Santu, għamara ta’ Alla”.

“Intom m’intomx iktar barranin, linqas mistiedna, imma intom koċittadini tal-qaddisin u familjari ta’ Alla” (Ef 2,19-22).

Dawk li ġew biex iwasslulkom il-Vanġelu, bħal ma kienu rċivewh huma stess, għamluh b’imħabba lejkom. Fil-fidi, intom ma kontux barranin għalihom. Feliċement, intom tkomplu tibbenefikaw mill-għajnuna fraterna ta’ dawn il-missjunarji li ġew minn pajjiż ieħor, imma din il-Knisja, mibnija minn ulied dan il-Pajjiż u għalihom, tistà wkoll tistrieħ dejjem iktar fuq ir-responsabiltà tagħha: fuq l-Isqfijiet tagħkom – Is-Santa Sede għamlet mod li dawn ikunu issa kollha mill-Gabon – u fuq is-saċerdoti, fuq ir-reliġjużi rġiel u nisa ta’ dan il-pajjiż, fuq il-lajċi, katekisti jew responsabbli għal kwalunkwè titolu, insomma, fuq l-operaturi apostoliċi kollha li lilhom kellimt il-bieraħ fil-Katidral, imma wkoll fuq l-imgħammdin u griżmati l-oħra, li jassumu r-responsabiltajiet tagħhom bi spirtu nisrani fil-familja tagħhom, fl-iskola tagħhom, fil-professjoni tagħhom, fis-soċjeta ċivili.  

Sabiex kull wieħed u waħda minnkom ikun jistà jidħol, bil-mod tiegħu, fil-binja tal-Knisja fil-Gabon, huma essenzjali l-għeruq permanenti tiegħu.  Hija essenzjali l-vitalità tiegħu, hija essenzjali l-awtentiċità tiegħu sabiex ikun jistà jmiss b’mod profond ir-ruħ Gaboniża u jipproduċi frott li jkollu t-togħma ta’ dan il-pajjiż. It-tema ta’ din il-Quddiesa hija propju dik tal-Knisja lokali, b’mod speċjali meta hija magħquda fit-talb  madwar l-Isqof tagħha, suċċessur tal-Appostli u rappreżentant ta’ Kristu f’nofsha, hija l-manifestazzjoni ewlenija tal-misteru tal-Knisja (cf. Sacrosanctum Concilium, 41). Fil-persuna ta’ Monsinjur Fernand Anguillé, Arċisqof ta’ Libreville, ta’ Monsinjur Félicien Makouaka, Isqof ta’ Franceville, ta’ Monsinjur Cyriaque Obamba, Isqof ta’ Mouila, ta’ Monsinjur Francois Ndong, Isqof ta’ Oyem u tal-koadjutur tiegħu, Monsinjur Basile Mvé Engone, insellem bil-qalb lil kull waħda mill-Knejjes lokali tagħkom li flimkien jiffurmaw il-Knisja tal-Gabon.

Dawn il-Knejjes lokali bla dubju jridu jevitaw dejjem l-għeluq fihom infushom. Intom tifhmu ferm tajjeb – u b’dan jien nieħu gost – il-bżonn tal-komunjoni tagħkom mal-komunitajiet ekkleżjali l-oħra tad-dinja kollha, u ma dak li jippresiedi il-kulleġġ tal-Isqfijiet, is-suċċessur ta’ Pietru. Din il-komunjoni tfisser ukoll, fil-prattika, il-kondiviżjoni tal-istess fidi, tal-istess etika nisranija, tal-istess sagramenti, tad-dixxiplina komuni għall-Knisja kollha.

Dan l-irbit madankollu se jkun dejjem, għalikom stess, kondizzjoni tal-fedeltà tagħkom għall-Vanġelu, tal-awtentiċità tal-affiljazzjoni tagħkom fil-Knisja kattolika. Imma, ġewwa dan l-irbit, trid tiġi żviluppata l-personalità Gaboniża tagħkom.

Jistà jagħti l-każ li xiħadd jasal jgħid: kif nistgħu nsibu l-mezzi biex nassumu r-responsabiltà tal-Knisja tagħna, sakemm ma niddisponux b’mod suffiċjenti, minna nfusna minn rgħajja, minn reliġjużi, minn mezzi pedagoġiċi, minn riżorsi finanzjarji? Bla dubju il-passaġġ ma jistax ikun għajr progressiv. Imma mhix tant kwistjoni ta’ żieda ta’ mezzi: bosta Knejjes illum kellhom jikkuntentaw ruħhom b’mezzi fqajrin, bħal fl-oriġni, bħal f’kull kriżi storika sperimentata mill-Knisja u segwita minn tiġdid. Hija ferm iktar kwistjoni ta’ forza interna, ta’ enerġija spiritwali, bħall-enerġija ġeneruża tas-siġar meraviljużi tagħkom, li jġegħlu jispuntaw il-weraq tagħhom. U. b’dan, għandkom diġa l-mezzi spiritwali. Hemm bżonn li tirrenja wkoll klima ta’ fiduċja u ta’ korresponsabiltà, li tippermetti l-assoċjazzjoni mal-inizjattivi apostoliċi lil dawk li li jikkuntentaw ruħhom li jirċievu assistenza, spiss minn barra mill-pajjiż. Mhijiex din il-mixja, niżżu ħajr lil Alla, li ċertu numru ta’ lajċi sejrin jibdew fostkom, jew li jittamaw li jkunu jistgħu jagħmlu dan ma jdumux? Jalla  huma jsibu s-sosten spiritwali li għandhom bżonn u li fosthom jiffjorixxu bosta vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi! Iva, l-Ispirtu ta’ Alla jagħraf iqanqal din il-maturità skont il-fidi tagħkom.

3. Wara l-paċi miksuba m’għand Alla u l-vitalità tal-Knisja lokali, niffaċċja t-tielet aspett tal-Bxara t-Tajba. Fil-fatt, dan huwa post fejn il-Knisja trid issib l-espressjoni tagħha privileġġjata: il-familja. Il-Konċilju Vatikan II ma ħasibhiex darbtejn li jsejjaħ lill-familja nisranija l-“Knisja domestika”, Knisja  mudell.

Id-drawwiet tal-antenati, fil-Gabon bħalma f’diversi pajjiżi Afrikani, għadhom jissenjalaw b’mod profond bosta familji. Huma daħħlu ma’ dawn ċertu numru ta’ valuri li jistgħu jkunu ferm preżżjużi għall-miżżewġin insara; b’mod partikolari, jippermettu li jevitaw lill-koppja li tillimita ruħha għal prospettiva individwalista żżejjed, billi jżommuha per eżempju solidali mal-familji tal-miżżewġin: dawn jistgħu jipprovdu l-kontribut tagħhom għall-fondazzjoni tal-familja l-ġdida u huma suxxettibli li juru wkoll l-għajnuna tagħhom fl-edukazzjoni tat-tfal jew quddiem provi li jinqalgħu. Fil-qies li fih tali prattiċi jiffavorixxu l-istabilità u l-unità tal-koppji, sakemm huma jħallu lill-għarajjes il-libertà tal-kunsens tagħhom u tal-impenn personali, il-Knisja ma tistax għajr tifraħ.

Dak li l-Knisja titlob li l-insara jifhmu sewwa, hija d-dinjità inkomparabbli tal-għaqda tar-raġel u tal-mara fil-pjan oriġinali ta’ Alla, u s-sens tas-sagrament taż-żwieġ nisrani: dan għandu l-iskop li jgħolli l-għaqda tal-miżżewġin b’mod simili għall-allejanza ta’ mħabba bejn Kristu u l-Knisja tiegħu, li jassoċjahom mad-dinamiżmu tal-misteru paskwali tas-Salvatur u li hekk twassal lill-ħajjithom kollha ta’ miżżewġin, qdusija u irradjazzjoni li jinfirxu fuq persunthom, fuq uliedhom, fuq il-ħajja tal-Knisja u tas-soċjetà.

M’għandix ħin li nerġà naqbad hawn dak li kont esponejt fit-tul, sentejn ilu, lill-familji nsara ta’ Kinshasa, dak li l-Isqfijiet tad-dinja kollha xehdu lis-Sinodu tal-Ħarifa tal-1980, u dak li jien stess ktibt għall-Knisja kollha fl-eżortazzjoni apostolika riċenti tiegħi. Inħalli għar-Rgħajja tagħkom li joffrulkom il-mezzi konkreti biex jiffamiljarizzawkom man-natura taż-żwieġ nisrani, u biex jippermettulkom li tgħixuh sa minn issa.

Aħsbu, per eżempju, dwar l-imħabba konjugali vera, sors u qawwa ta’ komunjoni nmdissolubli, li l-fedeltà tagħha tfakkar l-fedeltà nkrollabbli ta’ Alla dwar l-allejanza tiegħu mal-bnedmin. Aħsbu dwar l-attenzjoni li għandha l-Knisja li tagħmel b’mod li l-persuna – b’mod partikolari l-mara – ma tkun qatt ittrattata bħala “oġġett” ta’ pjaċir, linqas bħala mezz sempliċi ta’ fertilità, imma li ħaqqha tkun maħbuba għaliha nfisha min-naħa ta’ żewġha, ukoll jekk sfortunatament tkun sottomessa għall-prova tal-isterilità.

Aħsbu wkoll dwar il-valuri tar-rispett, tad-delikatezza, tal-maħfra, tal-ħniena, li tagħhom il-viżjoni nisranija tarrikkixxi iż-żwieġ. Aħsbu dwar id-dinjità tad-dmir ta’ missier u ta’ omm, li fih il-miżżewġin isiru koperaturi ta’ Alla ħallieq billi jagħtu l-ħajja, u dwar ir-responsabiltà li jrabbu sal-maturità affettiva u spiritwali lill-ulied li jkunu ġabu fid-dinja.

Biex tipproteġi dan kollu, il-Knisja tfakkar xi esiġenzi, xi esiġenzi gravi, bla dubju, li għandhom is-sies tagħhom fil-Vanġelu u li jinħtieġu sforzi u konverżjoni tal-qalb. Imma hi trid li l-insara jkunu konxji qabel kollox li s-sagrament taż-żwieġ huwa “grazzja”.

Hija tifhem bi ħniena lil dawk li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jikkorrispondu bis-sħiħ, u ma trid tbiegħed lil ħadd minn “mixja pedaġoġika ta’ tkabbir” li għandha twassalhom iktar ‘il bogħod, billi “twassalhom għal għarfien iktar għani u għal integrazzjoni iktar sħiħa ta’ dan il-misteru f’ħajjithom” (Ġwanni Pawlu II, Familiaris Consortio, 9). Lill-familji tal-Gabon, kif diġa ktibt fl-eżortazzjoni, ngħid: “Familja, sir dak li int!” (Ivi, 17). Nieħu gost mal-familji li diġa jagħtu din ix-xhieda sabiħa: hemm minn dawn ċertu numru f’dan il-pajjiż. U nistedinhom biex imexxu lill-familji l-oħra fil-mogħdija tagħhom, permezz ta’ apostolat ta’ koppja lil koppja, bħalma nistieden lill-Knisja kollha tal-Gabon biex tippromwovi pastorali adegwata tal-familja.

4. Waqt li nikkonkludi, għeżież ħuti – u din hija l-quċċata tal-Bxara t-Tajba li qiegħed inħabbrilkom – nitlob għalikom lill-Mulej tama ħajja, fit-triq tal-qdusija tal-bejatitudni.

Għadna kemm fakkarna xi esiġenzi tal-ħajja nisranija. F’dawn l-aħħar jiem fakkart oħrajn, lil kull kategorija tal-poplu ta’ Alla, imma dejjem b’fiduċja u fuq ton pożittiv. Dawn l-esiġenzi kollha jimmaterjalizzaw il-kmandament fundamentali doppju: ħobbu lil Alla b’saħħitkom kollha, ħobbu lill-proxxmu bħalkom infuskom, jew pjuttost, kif Ġesù ħabbna. Jiġi waħdu t-talb, is-sehem fis-sagramenti u b’mod speċjali fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika tal-Ħadd, dawn huma l-espressjoni u l-ikel essenzjali.

Xi wħud ippruvaw jitolbu lill-Knisja biex ittaffi l-esiġenzi tagħha, kemm, per eżempju, għaż-żwieġ nisrani jew għas-saċerdozju. Fir-realtà, intom ilkoll tirrejalizzaw, li l-Knisja allura ma tibqax tkun il-melħ u l-ħmira li dwarhom tkellem Ġesù; hija ssir ferm inqas kredibbli, il-messaġġ tagħha jkun insipidu, ambigwu u x-xhieda tagħha inqas b’saħħitha. Kristu ma pproponiex mixja faċli, imma passaġġ dejjaq, il-bieb dejjaq tal-bejatitudni, li huwa ġenn għall-għajnejn ta’ ċerti bnedmin, imma li huwa għerf ta’ Alla u qawwa ta’ Alla: l-ispirtu tal-faqar, il-purezza, l-għatx tal-ġustizzja, il-manswetudni tal-ħniena, it-tiftix tal-paċi, is-sabar fil-prova, il-perseveranza fil-persekuzzjoni minħabba Ġesù u, fuq kollox, il-ferħ, iva, il-ferħ l-iktar profond: “Imberkin!” Hawn hu dak li kapaċi jġedded lid-dinja attwali, marida bl-inċertezzi tagħha jew mis-sostituzzjonijiet tal-feliċità tagħha. Mhuwiex mela fuq il-flus, il-poter u s-seduzzjoni tal-faċilità li l-Knisja tistà verament torbot biex issolvi l-problemi tagħha, imma fuq il-prattika tal-mezzi spiritwali li jikkorrispondu mal-bejatitudnijiet. U meta jkollha l-kuraġġ li dan temmnu u li tissogra l-impenn tagħha, allura xefaq ġdid, Pentekoste ġdid jinfetaħ quddiemha. Il-mixja li donnha kienet se twassalha għall-fataliżmu, għall-qtugħ il-qalb, li setà jgħakkisha fuq il-“kriżi” tagħha, jibdel is-sens. Kollox huwa possibbli, ukoll jekk id-dnub għadu qrib, ukoll jekk it-tentazzjonijiet jibqgħu, ukoll jekk għadna nħossuna dgħajfa, meta nkunu umli u mimlijin fiduċja.

U hekk hu li x-xena evanġelika li għadna kemm ikkuntemplajna dan twettaqulna. L-Appostlu Pietru għadu kemm reġà lura mill-umiljazzjoni tiegħu waqt il-Passjoni. Taħdita l-iktar profonda ma’ Ġesù rxuxtat, speċi ta’ kuntrattazzjoni li twassal għal kuntratt fi tliet atti.

Ġesù jagħraf d-dgħufija tiegħu. Imma quddiem id-dikjarazzjoni tripla tal-imħabba, jgħidlu: “Kun ir-ragħaj tal-ħrief tiegħi, kun ir-ragħaj tan-nagħaġ tiegħi”. U afdalu il-mixja tal-merħla kollha, tal-Knisja kollha. Il-Mulej, jafdalkom illum, għeżież Rgħajja tal-Gabon il-mixja tal-Knisja tagħkom.

Inkwantu għalija, jien ninsab hawn biex inwettaqkom fil-fidi tagħkom, fil-mixja tagħkom, biex ninseġ irbit ta’ komunjoni ferm iktar solidu bejnkom u l-Knisja universali li hija solidali magħkom, Kelma aħħarija tispjegalkom is-sens tal-missjoni tiegħi. Meta l-Appostlu Pietru waqaf quddiem il-mifluġ tal-Bieb is-Sabiħ ta’ Ġerusalem, qallu: “La għandi fidda u linqas deheb, imma dak li għandi se ntihulek fl-isem ta’ Ġesù Kristu, in-Nażżarenu, qum u imxi” (At 3,6). Illum b’sens spiritwali, waqt li jara r-rieda tajba tagħkom, is-suċċessur ta’ Pietru jgħid lill-Knisja kollha tal-Gabon, ma ġejtx biex inġibilkom la deheb u linqas fidda. Imma la tibżax, Ikollok fiduċja, Fl-isem ta’ Ġesù Kristu, qum u imxi!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: