QUDDIESA FIL_BAŻILKA TA’ SANTA SABINA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
L-Erbgħa tal-Irmied
24 ta’ Frar 1982
1. Il-liturġija tal-Irmied.
Jistà jkun li qatt il-kelma ta’ Alla ma ddoqq għalina daqstant b’mod dirett.
Qatt ma’ tindirizza lil kull wieħed u waħda minna hekk mingħajr eċċezzjoni:
“Ftakar li int trab, u trab trid terġà ssir”.
U wkoll kull wieħed u waħda jaċċettaw dan il-kliem. Huwa hekk evidenti! Il-verità tiegħu tiġi kkonfermata b’tant eżattezza mill-istorja tal-umanità. U mill-esperjenza ta’ kull bniedem.
Dan il-kliem jitkellem dwar il-mewt, li biha tispiċċa l-ħajja ta’ kull bniedem fuq din l-art.
Fl-istess ħin, dan jiġbed l-attenzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna lejn “l-oriġni”. Dan kien ippronunzjat l-ewwel darba lil Adam bħala frott tad-dnub: “Mis-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin ma kellikx tiekol, għaliex malli int kont tiekol, bla dubju kellek tmut” (Ġen 2,17).
Il-mewt bħala frott tas-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin. Frott tad-dnub. Dan il-kliem ilissnu Alla-Jaħwe. L-Alla-Ħallieq. Daki li sejjaħ – għadu jsejjaħ b’mod kostanti – mix-xejn għall-eżistenza d-dinja u l-bniedem. U huwa ħalaq il-bniedem “mit-trab tal-art” (Ġen 2,7): iffurmah bl-istess materja, li biha bena d-dinja kollha viżibbli.
2. Meta Alla jgħid (u l-liturġija tal-Irmied ittenni) “inti trab u trab trid terġà ssir” (Ġen 3,19), dan il-kliem idoqq donnu sentenza iebsa.
U Alla, li ppronunzjah, jirrivela ruħu fih bħala l-Ħallieq u bħala l-Imħallef.
Bdanakollu, dan il-kliem huwa fl-istess ħin mimli tbatija. Tiġi espressa fih aħbar tal-Ġimgħa l-Kbira. Tiġi espressa fih it-tbatija tal-Iben ta’ Alla, li jgħid: “Abbà, Missier!… biegħed minni dan il-kalċi!” (Mk 14,36).
Iva! Dan il-kliem sever jaħbi fih id-dulur ta’ Alla. Infatti huwa jippronunzjah lill-bniedem li huwa ħalaq propju xbiha u xebħ tiegħu; ix-xbiha u x-xebħ ta’ Alla… għandu jerġà jsir trab?
Ma nifhmux dan il-kliem tal-liturġija tallum, jekk ma nħossux fih niket kbir ta’ Alla, jekk ma nħossux fih in-niket tal-imħabba!
“Il-Mulej juri ruħu għajjur għall-art tiegħu u jitqanqal għall-ħniena tal-poplu tiegħu”, jitlob il-profeta Ġoeli (Ġl 2,18).
3. “L-imħabba għajjura”. L-imħabba umana hija għajjura minħabba d-djuqija tal-qalb umana u minħabba ċ-ċokon tal-bniedem. Imma l-imħabba tistà tkun “għajjura” wkoll minħabba l-kobor tal-Ħallieq u tal-Missier: għajjur għaliex hu tant ħabb lid-dinja…, u, f’din id-dinja, tant ħabb lill-bniedem, li għamlu propju xbiha u xebħ tiegħu. Hija l-imħabba għajjura tax-xbiha u tax-xebħ ta’ Alla, mitlufa u mħassra fil-bniedem mid-dnub.
L-imħabba għajjura tfisser f’dan il-każ il-prontezza għal kollox biex tirbaħ mill-ġdid u biex tibni mill-ġdid il-ġid irvinat, is-sbuħija mċajpra tax-xbiha u x-xebħ ta’ Alla. Alla tant ħabb!
4. L-Irmied: bidu tar-Randan. Il-bniedem imsejjaħ biex jieħu sehem fin-niket ta’ Alla sal-mewt tal-Iben Etern nhar il-Ġimgħa l-Kbira. Il-bniedem imsejjaħ biex iwieġeb għall-imħabba ta’ Alla: għall-imħabba għajjura tal-ġid mitluf, tal-opra ta’ Alla sfigurata
Il-bniedem imsejjaħ għar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla fil-mewt ta’ Kristu.
Il-bniedem imsejjaħ għall-penitenza.
U hekk hu, huwa jiġi, rasu baxxa, jirċievi l-irmied fuq moħħu u jismà l-kliem, li fih jaħbi in-niket ta’ Alla u l-“imħabba għajjura” tiegħu.
“Ftakar li inti trab, u trab trid terġà ssir”.
U fkl-istess ħin jismà l-kliem:
“paenitemini”! Agħmel penitenza u emmen lill-Vanġelu!
5. L-appell għall-penitenza huwa, fl-istess ħin, stedina għall-fidi li teħles mill-ħakma tal-ħażin. Emmen fil-Vanġelu! Emmen fil-Bxara t-Tajba!
In-niket ta’ Alla-Ħallieq, il-Ġimgħa l-Kbira tar-Redentur: tbatija li permezz tal-imħabba twelled il-ġid, twelled il-ħajja.
L-imħabba għajjura sat-twettiq finali tal-Pjan etern tas-Salvazzjoni.
Aċċetta din l-imħabba!
Iva. Baxxi rasek, penitent: Ilqà l-irmied fuq moħħok!
Imma fuq kollox emmen il-Vanġelu! Aċċetta din l-imħabba, li hija aqwa mid-dnub u mill-mewt!
Illum jibda r-Randan!
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb