PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKUI FIN-NIGERIA, BENIN,
GABON U GUINEA EQUATORIALI
QUDDIESA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bata (Giunea Equatoriali), 18 ta’ Frar 1982
Maħbubin ħuti.
1. F’din il-pjazza tal-Libertà ninsabu miġburin f’isem Ġesù, biex nisimgħu kelmtu li tkompli twasslilna l-Bxara t-Tajba tas-salvazzjoni, biex nistqarru l-fidi tagħna komuni fih u miċċelebraw l-preżenza mġedda tiegħu fl-Ewkaristija, li ssir ikel fil-pellegrinaġġ tagħna lejn artna definittiva.
Huwa konsolanti li taħseb li hawn, f’nofsna, hawn l-Imgħallem, Kristu, mal-Papa li b’tant pjaċir jiġi għandkom għall-ewwel darba; mal-maħbub Ragħaj tagħkom Monsinjur Rafael María Nzé, li tant bata għall-Knisja; mas-saċerdoti, mar-reliġjużi rġiel u nisa nattivi tal-Guinea Ekwatorjali; mal-missjunarji li ġew b’mod fratern biex jgħinukom fil-kawża tal-Vanġelu; flimkien magħkom ilkoll, maħbubin ħuti tal-Guinea Ekwitorjali, kemm tal-kontinent kif ukoll tal-gżejjer.
Dawk li jinsabu hawn jew dawk li jingħaqdu magħna permezz tal-mezzi tal- Komunikazzjoni soċjali. Lil kollha nsellmilkom mal-Appostlu Pawlu, billi nixteqilkom “grazzja u sliem m’għand Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu” (1Kor 1,3).
2. Iva, il-Mulej huwa magħna, magħqudin fl-imħabba mal-Missier komuni u mċaqalqa mill-grazzja tal-Ispirtu tiegħu.
Huwa hu fil-qrib ta’ dawk membri tal-Knisja universali ta’ Kristu, ladarba “l-uniku poplu ta’ Alla huwa preżenti fin-nazzjonijiet kollha tad-dinja, ladarba f’nofs ir-razez kollha huwa jfittex iċ-ċittadini tiegħu, ċittadini ta’ saltna li min-natura tagħha mhijiex tad-dinja imma tas-sema” (Lumen Gentium, 13).
Dan huwa sentiment ewlieni li jimlina lkoll b’ferħ profond u jagħtina sikurezza ġdida. Infatti din il-komunità ekkleżjali għandha fiha dimensjoni ta’ kattoliċità li hija essenzjali, li qatt ma tistà tkun minsija u li tmur ‘il hemm mill-fruntieri ġejografiċi li fihom timmanifesta ruħha b’mod viżibbli.
Għal dan stess, jekk tgħixu f’dan l-atteġġjament ekkleżjali, l-orizzont spiritwali tagħkom ma jkun jistà qatt jirriduċi ruħu għal limiti ta’ grupp, ta’ dijoċesi jew ta’ territorju, imma jrid ikun miftuħ għal din il-vastità fraterna fi Kristu, “kap tal-ħwejjeġ kollha fil-Knisja, li hija ġismu, il-milja ta’ dak li jwettaq lilu nnifsu internament fil-ħwejjeġ kollha” (Ef 1,22s).
3. Il-Papa xtaq li jiġi għandkom biex jippromwovi l-opra tal-evanġelizzazzjoni wkoll fl-artijiet tagħkom. Din l-evanġelizzazzjoni li tfisser tkabbir fil-fidi, dedikazzjoni ġeneruża għas-servizz tad-dinjità ta’ kull bniedem u fedeltà lejn Kristu u lejn il-Knisja.
Jiġi jżurkom bħala ħukom u ħabibkom, bħala rappreżentant ta’ Kristu li fih diġa temmnu, bħala ħabbar tal-messaġġ tiegħu ta’ salvazzjoni u żerriegħ ta’ kuraġġ għall-komunità nisranija tagħkom.
Imbuttat mill-missjoni evanġelizzatriċi li għandi, niġi f’din il-Knisja li hija parti mill-merħla ta’ Kristu. afdata lili bħala suċċessur ta’ Pietru. Nixtieq għalhekk, b’imitazzjoni tal-Appostlu Pawlu, nifraħ bil-perseveranza tagħkom fil-Vanġelu “li rċivejtu, li fih tibqgħu sodi, u li minnu wkoll tirċievu s-salvazzjoni, jekk iżżommuh f’dik il-forma li jiena ħabbartulkom” (1Kor 15,1s).
4. Illum irridu niżżu ħajr lil Alla, sabiex iż-żergħa li l-ewwel missjunarji tefgħu fl-1645, u li biss biżżejjed iktar tard xterdet b’mod iktar kontinwu u wiesà, tat frott abbundanti. Dan jirrifletti ruħu fil-kompożizzjoni ta’ maġġoranza kattolika ta’ membri tad-dijoċesijiet ta’ Bata u Malabo.
Moħħna jistà jimmaġina kemm tbatijiet u sagrifiċċji kellhom jiffaċċjaw il-missjunarji li ġew wara – kapuċċini, saċerdoti dijoċeżani, ġiżwiti u fuq kollox klaretjani – li, fidili għall-Mandat tal-Imgħallem li jgħallmu l-ġnus kollha (cf. Mt 28,19), sfurzaw lilhom infushom biex jindikaw lil ħuthom il-mixja tas-salvazzjoni. Huwa ġust mela li llum hawn nuru rikonoxximent ta’ gratitudni u stima lil dan ix-xogħol wiesà ta’ evanġelizzazzjoni li ftit ftit tefà l-pedament tal-Knisja f’nofskom.
5. Imma f’dan il-waqt imissna doppjament niżżu ħajr lill-Mulej sabiex mhux biss għaliex in-numru ta’ dawk li jemmnu f’Ġesù Kristu laħaq il-livelli attwali, imma għaliex din il-Knisja lokali hija mmexxija minn Ragħaj nattiv ta’ din l-art, li jgawdi mill-fiduċja tiegħi u mill-imħabba tagħkom, u għaliex id-dijoċesijiet ta’ Malabo u ta’ Bata jgħoddu diġa erbatax-il saċerdot u tminn reliġjużi ndiġeni, minbarra numerużi reliġjużi nisa.
Imma dan ma jasalx li jkopri l-bżonnijiet li s-sitwazzjoni tinħtieġ, u għalhekk magħhom jingħaqdu kważi għoxrin missjunarju Klaretjan u iktar minn mitt reliġjuzi rġiel u nisa mibgħuta mill-“Federaciones de religiosos españoles de la Enseñanza y de la Sanidad”, li jisilfu l-għajnuna valida tagħhom fis-servizzi edukattivi u assistenzjali.
Lilkom ilkoll, għeżież ħuti tal-Guinea Ekwitorjali jew li ġew minn barra, nixtieq nesprimi l-gratitudni profonda tiegħi għall-impenn li tagħmlu fid-dmir tagħkom ta’ evanġelizzazzjoni. Nitlob b’mod imħeġġeġ lill-Mulej li jdawwal lil qlubkom “sabiex jgħinkom tifhmu għal-liema tama sejħilkom, liema teżor ta’ glorja tiġbor fiha l-eredità tiegħu fost il-qaddisin” (Ef 1,18).
6. Guineani Kollha, ta’ oriġini jew ta’ addozzjoni, intom impenjati f’intrapriża li fiha Alla jsejħilkom b’mod indistint. Infatti din il-Knisja li għaliha tiddedikaw b’mod ġeneruż ħajjitkom, hija l-maqjel li l-bieb tiegħu huwa Kristu (cf. Ġw 10,1-10), huwa l-għalqa ta’ Alla (cf. 1Kor 3,9), huwa l-bini ta’ Alla (cf. 1Kor 3,9), huwa l-għarusa ta’ Kristu (cf. Ef 5,25s) Huwa Ġismu mistiku (cf. 2Kor 5,17),huwa l-Poplu ta’ Alla (cf. Lumen Gentium, 9).
Din l-osservazzjoni għandha tqanqal l-entużjażmu kollu u d-dedikazzjoni li tagħha intom kapaċi, silkuri li taqdu lil Alla u mhux lill-bnedmin. Magħqudin, għalhekk, fid-dmir li hu ta’ kulħadd u li ma jeskludi lil ħadd, infittxu ‘l fuq mill-ġid maġġuri tal-Knisja u l-aħjar servizz li għandna nirrendu lill-biċċa l-kbira ta’ ħutna. Jiena sikur, min-naħa tiegħi, li ubbidjenti għall-“messaġġ li smajtu sa mill-bidu: “li nħobbu lil xulxin” (bħalma jfakkarna San Ġwann fl-ewwel qari ta’ din il-Quddiesa), ilqgħu b’ġenerożità lill-kollaboraturi fil-missjoni evanġelizzatriċi li jiġu minn barra, u li dawn joffru l-għajnuna tagħhom b’disponibiltà, fi spirtu ta’ servizz u promozzjoni tal-valuri ndiġeni ġenwini.
L-opra ta’ evanġelizzazzjoni għandha tendenza min-natura tagħha li tirrendi kull Knisja kapaċi li żżomm lilha nfisha bil-qawwiet propji. Mhux biex, imbagħad, tingħalaq fiha nfisha, imma biex tasal li tkun hi stess evanġelizzatriċi tal-Knejjes l-oħra. Hekk kull waħda turi l-maturità sħiħa tagħha fil-fidi billi tagħti lill-oħrajn dak li rċeviet tul il-fażi tat-tkabbir tagħha. Nittama li jasal ma jdumx dan il-jum għall-Knisja fil-Guinea Ekwatorjali.
7. Imma fl-istennija tal-wasla għal konsolidament maġġuri f’dak li jirrigwarda l-aġenti tal-evanġelizzazzjoni, il-Knisja tagħkom diġa tat provi konsolanti ta’ maturità u ta’ fedeltà lill-Mulej. Mhumiex ftit ħutkom li setgħu jagħtu xhieda b’mod qalbieni, ukoll f’nofs il-persekuzzjonijiet, tal-fidi nisranija tagħhom. U jekk kien hemm każijiet ta’ dgħufija, kienu bil-kbir iktar numerużi l-eżempji meraviljużi ta’ kostanza fil-konvinzjonijiet reliġjużi intimi propji.
Dawn l-eżempji għandhom iservukom ta’ stimolu u jimbuttawkom biex tkomplu b’ħeġġa mġedda fit-tagħlimiet tal-Vanġelu: “Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? Jewwilla t-tribulazzjoni, l-ansjetà, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, il-periklu, ix-xabla?… f’dawn il-ħwejjeġ kollha aħna iktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna” (Rm 8,35.37).
Bl-għajnuna tal-Mulej, mela, li biha kollox tistgħu, agħtu mpuls ġdid lill-ħajja nisranija ntegrali. Bħalma jfakkarna San Pawl fl-ittra li qrajna ftit ilu, tgħixux fil-fornikazzjoni, fil-libertinaġġ, fl-idolatrija, fir-risentimenti jew fir-rivalità, fil-għira u fil-fazzjonaliżmi, imma imxu billi tagħtu frott tal-Ispirtu, fl-imħabba, fil-qbil, fli tkunu servizz għoli lejn xulxin.
U ladarba intom insara, kunu l-ewwel li tgħixu s-sens tal-Beatitudni, billi ssiru f’ħajjitkom promuturi deċiżi tal-ħniena, tal-ġustizzja, tal-moralità, tal-opri favur il-paċi.
Ħadd ma jkollu għalfejn igerger għal imġibitkom, minħabba n-nuqqas ta’ onestà, għall-isfruttament tal-oħrajn, għan-neġliġenza tad-dmirijiet tagħkom individwali, familjari jew soċjali; imma jekk jikkalunjawkom waqt li twettqu l-ġid, waqt li tiddefendu d-drittijiet tagħkom b’kull mezz onest, ‘il fuq minn dan kollu ibqgħu ċerti li kbira se tkun ir-rikumpensa tagħkom fis-sema. Il-kelma ta’ Kristu li smajna fil-Vanġelu tallum tagħtina ċ-ċertezza.
8. Ma rridx intemm din l-omelija mingħajr ma nistieden lil kull settur ekkleżjali għal fedeltà mġedda fl-impenn tal-evanġelizzazzjoni.
Intom, saċerdoti u reliġjużi, kunu dejjem iktar koxjenti tar-responsabiltà tagħkom u tal-missjoni tagħkom fil-Knisja, li tiddepeni l-biċċa l-kbira mill-koperazzjoni u miż-żelu tagħkom. Għal dan il-għan, ħeġġu kuljum il-grazzja li rċivejtu bit-tqegħid tal-idejn u bil-konsagrazzjoni ġeneruża li tagħmel minnkom stess ideal li jixraqlu li jkun migħux b’fedeltà kontinwa. Konvinti mela mill-identità propja tagħkom u mill-motivazzjonijiet li fuqhom hija msejsa, la tiddubitawx li tiddedikaw parti privileġġjata mill-impenn tagħkom fl-isforz li tqanqlu, bil-mezzi kollha vokazzjonjiet ta’ seminaristi u ta’ erwieħ ta’ konsagrazzjoni speċjali, li jistgħu jagħtukom il-bdil fl-opra tas-salvazzjoni.
Intom reliġjużi mhux saċerdoti, tistgħu tisilfu ugwalment għajnuna prezzjuża lill-Knisja, permezz ta’ inseriment multiformi f’tant oqsma tal-apostolat u ta’ xhieda li għaliha għandu jasal il-kontribut meritorju tagħkom.
Intom, reliġjużi nisa, għandkom qasam wiesà li fih tistgħu tużaw l-aħjar enerġiji u ħiliet tal-kondizzjoni femminili tagħkom. Bosta relazzjonijiet jistgħu jiddependu minnkom. Ġeddu, mela, bi mħabba ġdida lejn Kristu, l-għan tagħkom ta’ dedikazzjoni fidila lill-Knisja, lil din il-Knisja li tinsab f’Pajjiżkom. Waqt li tobdu dejjem l-indikazzjonijiet tar-Ragħaj tagħkom, li jien irrakkomandajtlu biex isegwi b’interess partikolari dak li jirreferi ruħu għal ħajjitkom u għall-inseriment tagħkom fil-Knisja lokali.
Intom, lajċi mpenjati fil-movimenti tal-apostolat, b’mod partikolari f’dak tal- “Cursillos de Cristiandad”, offru kontribut dejjem iktar deċiż lill-ħajjja ekkleżjali, mingħajr ma tiskuraġġixxu ruħkom quddiem id-diffikultjiet li jippreżentaw ruħhom fi triqtkom.
Intom katekisti u animaturi tal-komunità jew tas-setturi ekkleżjali, komplu kkollaboraw għall-ġid tal-Knisja, li tirċievi tant benefiċċju mir-responsabiltà tagħkom u mix-xewqa tagħkom li tkunu ta’ għajnuna għall-fidi ta’ ħutkom. L-aħjar mod li bih tapprofondixxu s-sinifikat tal-vokazzjoni nisranija tagħkom huwa dak li timpenjaw ruħkom fis-sosteniment jew fl-alimentazzjoni tal-ħajja reliġjuża tal-oħrajn.
Intom, missirijiet u ommijiet ta’ familja, li tgħixu bil-ferħ il-vokazzjoni ta’ kollaboraturi ta’ Alla fit-trażmissjoni tal-ħajja, aġhtu eżempju quddiem uliedkom u quddiem is-soċjetà, ta’ stima lejn il-valuri reliġjużi u umani li għandhom bżonn li jimmanifestaw ruħhom b’ċarezza partikolari fl-ambjent tagħkom. Ikkultivaw moralità kristallina, ġewwa u barra djarkom, waqt li tgħassu b’mod fidil l-għaqda permanenti taż-żwieġ, kif il-Mulej ħabbarha. Jalla kull waħda mid-djar tagħkom tkun tassew Knisja domestika, fejn jibbrillaw il-valuri u l-imġibiet li ndikajt fl-eżortazzjoni apostolika Familiaris Consortio.
Intom ilkoll, ħuti fl-imħabba ta’ Kristu, wsaqt li twarrbu biżat u nċertezzi, ibnu dejjem b’mod iktar sod, f’art twelidkom u fi qlubkom, il-Knisja tal-fedeltà, il-Knisja tal-ftehim, il-Knisja tat-tama. Msarija Santissma, Ommna, għinna dejjem f’dan il-għan. Hekk Ikun.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb