L‑applikazzjonijiet bħalissa jinsabu miftuħin għall‑pubbliku u kulħadd jista’ jattendi. Grupp ta’ tobba, infermiera, carers u voluntiera lajċi, bi spejjeż tagħhom jagħtu ħinhom biex jieħdu ħsieb lill‑pazjenti u jassiguraw esperjenza komda u sigura għal kulħadd.
Kull sena sa mill‑1930, l‑UMTAL (Unione Maltese Trasporto Ammalati a Lourdes), li hi għaqda volontarja, tagħmel dan il‑pellegrinaġġ possibbli għal nies li kieku ma jkunux jistgħu jżuru dan is‑santwarju qaddis. Flimkien mal‑pazjenti u l‑voluntiera, il‑pellegrini jattendu għal diversi funzjonijiet reliġjużi ċċelebrati mill‑Knisja Universali bħall‑quddiesa internazzjonali, l‑Adorazzjoni tal‑Ewkaristija Mqaddsa u l‑purċissjoni ta’ filgħaxija magħrufa bħala l‑Aux Flambeaux. Minbarra dawn jiġu organizzati ċelebrazzjonijiet oħra fosthom quddies bil‑Malti fejn il‑kongregazzjoni tipparteċipa fis‑sagrament tal‑qrar u d‑dlik tal‑morda kif ukoll il‑quddiesa fil‑Grotta tal‑Madonna.
Dawk il‑pazjenti, voluntiera jew pellegrini li jixtiequ jingħaqdu mal‑Arċisqof Scicluna f’dan il‑pellegrinaġġ jistgħu jibagħtu email fuq info@umtalmalta.org jew iċemplu fuq 79226606.
Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti