Yad Vashem Ċermen: Il-Papa huwa ħabib u alleat fil-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu

Print Friendly, PDF & Email

Dani Dayan jemmen li l-Ħamis filgħodu sar pass ieħor ‘il quddiem fil-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu. Dan qalu meta tkellem ma’ Radju Vatikan immedjatament wara li ltaqa’ mal-Papa Franġisku fil-Vatikan. Iċ-Ċermen ta’ Yad Vashem iddeskriva lill-Papa bħala ħabib u alleat fil-missjoni biex jingħeleb l-anti-Semitiżmu.

Yad Vashem, iċ-Ċentru Dinji tat-Tifkirt tal-Olokawst f’Ġerusalemm, huwa rikonoxxut universalment bħala s-sors aħħari għall-edukazzjoni, d-dokumentazzjoni u r-riċerka tal-Olokawst. Fl-2014, waqt il-pellegrinaġġ tiegħu fl-Art Imqaddsa, l-Papa Franġisku żar Yad Vashem. Waqt id-diskors tiegħu hemmhekk, talab lill-Mulej biex “jagħtina l-grazzja li nistħu minn dak li għamlu l-bnedmin,” u qal “Qatt iktar, Mulej, qatt iktar!”

Filwaqt li nnota li hu l-ewwel Ċermen ta’ Yad Vashem li ntlaqa’ f’udjenza privata mal-Papa, Dayan żvela li ż-żewġt irġiel twieldu Buenos Aires u kienu kuntenti li setgħu jitkellmu bl-Ispanjol nattiv tagħhom.

Dayan qal li rringrazzja lill-Papa talli fetaħ l-Arkivji tal-Vatikan fuq il-Papa Piju XII. F’Marzu 202, l-Arkivji Appostoliċi tal-Vatikan, flimkien ma’ diversi arkivji oħra tas-Santa Sede dwar il-pontifikat ta’ Piju XII (1939-1958) infetħu għall-konsultazzjoni mill-istudjużi.

“Meta rringrazzjajtu talli fetaħ l-arkivji tal-Vatikan tal-perjodu rilevanti tal-Olokawst għar-riċerkaturi tagħna, huwa qal b’mod ċar ħafna li tiftaħ l-arkivji huwa li tagħmel ġustizzja”, qal Dayan. Il-Papa, tenna “li l-Knisja mhux biss ma tibżax mill-istorja, iżda l-Knisja tħobb l-istorja”. Il-Qdusija Tiegħu kompla jgħid li jaf sew li, bħa f’għaqdiet oħra, fil-Knisja “kien hemm nies li għamlu t-tajjeb, u dawk li ma għamlux”.

Dayan qal li l-Papa Franġisku kien ċar ħafna meta kkundanna l-pjaga tal-anti-Semitiżmu, u sostna l-importanza li nkomplu niġġielduha u u negħlubuha.

“Għal Yad Vashem, li hija ddedikata għall-memorja tas-6 miljun Lhudi li ġew maqtula mill-Ġermanja Nażista u mill-kollaboraturi tagħha, dan huwa mument storiku”.

“Hija l-ewwel darba li l-Papa jilqa’ f’udjenza privata liċ-Ċermen ta’ Yad Vashem, u naħseb li dan juri lid-dinja l-importanza li l-Papa Franġisku, l-kap tal-Knisja Kattolika, jattribwixxi lit-tifkira tal-Olokawst u l-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu”, qal.

Fl-aħħar tal-udjenza, Dayan qal li ppreżenta rigal lill-Papa, u kien grazzjuż biżżejjed biex ippreżenta wieħed lili ukoll, u qal li l-Papa qallu: “Qatt tinsa li għandek ħabib hawn.”

“U naf li meta qal ħabib, kien ifisser ukoll alleat fil-missjoni li qegħdin fiha.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-06/audience-pope-yad-vashem-chairman-dayan-fight-anti-semitism.html

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading