Il-Papa Franġisku esprima l-qrubija tiegħu mal-vittmi fi traġedja li seħħet nhar it-Tnejn f’San Antonio, Texas, l-Istati Uniti. Mill-inqas 46 nstabu mejta ġewwa trakk, f’dak li jidher li hu attentat ta’ traffikar ta’ bniedmin tul il-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku.
Nies mill-Amerika Ċentrali u l-Amerika t’Isfel, li qed jippruvjaw jaħarbu mill-faqar bit-tama li jkollhom ħajja aħjar fl-Istati Uniti, spiss jgħaddu minn vjaġġi perikolużi u għoljin sakemm jippruva jaqsmu l-fruntiera bejn il-Messiku u l-Istati Uniti. Ħafna jmutu f’dawn il-vjaġġi, jekk ma jitwaqqfux, jinżammu u jintbagħtu lura qabel jaslu fid-destinazzjoni tagħhom.
Skont il-Kap tal-protezzjoni ċivili ta’ San Antonio, Charles Hood, 16-il persuna oħra – fosthom 4 itfal – li nstabu fit-trejler ġew ittrasportati l-isptar f’qagħda kritika u qed jingħataw kura għal eżawriment u puplesija tas-sħana.
It-traġedja tidher li kienet riżultat ta’ disprament u aktarx ta’ sħana ħarxa li ilha taħkem l-istat tan-Nofsinhar, fejn it-temperaturi ilhom ‘il fuq minn 39 grad għal jiem sħaħ.
Nhar it-Tlieta, l-Papa Franġisku esprima l-qrubija tiegħu lejn il-vittmi tat-traġedja ta’ nhar it-Tnejn permezz ta’ tweet ippubblikat fuq il-kont tiegħu – @pontifex.
“Wara li smajt l-aħbar tat-traġedja tal-#migranti f’Texas u #Melilla. Ejjew #Nitolbu flimkien għal dawn l-aħwa li mietu wara t-tama tagħhom ta’ ħajja aħjar; u għalina nnfusna, jalla l-Mulej jiftaħ qalbna sabiex dawn l-isfortuni qatt ma jerġgħu jseħħu”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-06/pope-francis-prayer-migrants-melilla-texas.html