Il-Papa jgħid liż-żgħażagħ biex ikunu messaġiera ta’ tama

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku qed iħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ikunu messaġiera ta’ tama u twelid mill-ġdid għall-futur, f’messaġġ awdjo-viżiv lil dawk li qed jipparteċipaw fis-Summit Globali dwar it-Turiżmu taż-Żgħażagħ li qed isir f’Sorrento, l-Italja. Is-Summit Globali tat-Turiżmu taż-Żgħażagħ huwa pjattaforma ġdida, żviluppata mill-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tal-Ġnus Magħquda, “biex ittejjeb l-emanċipazzjoni u l-impenn taż-żgħażagħ fis-settur tat-turiżmu”.

Il-Qdusija Tiegħu beda billi esprima l-ferħ tiegħu huwa u jsellem liż-żgħażagħ li qed jieħdu sehem fl-ewwel Summit bħal dan. Għal dawk li għadhom studenti, l-Papa rikonoxxa lit-turiżmu jiġi mal-waqfa tas-sajf tal-iskola, u enfasizza li l-esperjenzi li se jkollhom matul dan iż-żmien “se jibqgħu fil-memorji tagħkom”.

“Flimkien mar-rikreazzjoni u l-mistrieħ, naf li uħud minnkom jużaw dan iż-żmien biex jagħmlu volontarjat biex jgħinu f’inizjattivi ta’ solidarjetà; oħrajn jiddedikaw ruħhom għal xogħlijiet żgħar biex jagħtu daqqa t’id lill-familji tagħhom jew biex isostnu lilhom infushom fl-istudji tagħhom; oħrajn iqattgħu ġranet ta’ skiet u talb biex ikunu m’Alla u jirċievu d-dawl fi triqthom”.

Il-Papa saħaq fuq l-importanza li jġibu ruħhom b’mod matur. “Inħeġġiġkom biex tużaw il-ħin li għandkom għad-diżpozzjoni tagħkom tajjeb u responsabbli. Hekk tikbru u tippreparaw lilkom innfuskom biex tieħdu mpenji aktar impenjattivi”.

Qabel ma ta l-Barka tiegħu, l-Papa Franġisku temm jgħid: “Għeżież żgħażagħ, nixtieq li tkunu messaġġieta ta’ tama u twelid mill-ġdid għall-futur”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-06/pope-videomessage-first-global-youth-tourism-meeting-francis.html

%d bloggers like this: